Simon Busuttil żar membri tal-LifeCycle Challenge u tal-ALIVE2014 Challenge, fil-Mosta, fost membri tal-Kunsill Lokali tal-lokal, fosthom is-Sindku Shirley Farrugia.
Iż-żewġ għaqdiet se jkunu qed jieħdu numru sabiħ ta’ membri f’pajjiżi barranin, biex permezz ta’ mawra bir-roti jinġabru l-fondi.
Fil-każ tal-LifeCycle Challenge, din is-sena ċ-ċiklisti se jżuru l-Gappun, fi vjaġġ minn Fukuoka sal-kapitali Tokyo, b’kollox 2000km f’10 t’ijiem, bil-fondi bħal dejjem imorru għal pazjenti b’mard fil-kliewi.
Avventura simili għal ALIVE2014 Challenge, din id-darba b’mawra minn Praga sa Belgrade f’perjodu ta’ ġimgħa. Mawra li se teħodhom fl-Ewropa kontinentali, imma li se tkun qed tgħin għexieren ta’ pazjenti morda bil-marda kiefra tal-kanċer.
L-appell ta’ Simon Busuttil mar għal dawn in-nies, li mhux biss jagħtu donazzjoni, iżda jagħtu ħinhom u saħħithom għall-oħrajn.
Dawn iż-żjajar filfatt kienu parti minn sensiela ta’ żjarat li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista matul il-jum tal-Ħadd, bl-għan li, f’dan il-jum ta’ mistrieħ, tingħata nqas emfażi fuq il-politika u iktar emfazi lil filantropija u l-aspett soċjali tagħna l-Maltin.
//= $special ?>