Minn ċifri maħruga mill-Agenzija tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea il-Eurostat jirriżulta li f’April li ghadda il-produzzjoni industrijali f’Malta naqset b’6 fil-mija. Dan hu l-ikbar tnaqqis fost ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li kellhom tnaqqis fil-produzzjoni industrijali.
Imma bħala medja fl-Unjoni Ewropea, il-produzzjoni industrijali żdiedet b’0.7 fil-mija u b’0.8 fil-mija fiż-Żona Ewro.
Dwar it-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali f’Malta, dan l-istazzjon ha r-reazzjoni ta’ Joe Farrugia, id-Direttur Generali tal-Malta Employers Association, ta’ David G. Curmi, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija u tal-ekonomista Gordon Cordina.
Joe Farrugia qal li l-andament tal-ekonomija jiddependi ħafna fuq il-livell ta’ produzzjoni industrijali minħabba li jkejjel il-valur tal-produzzjoni ta’ setturi kritiċi bħall-manifattura. Hu qal li meta taqa’ l-produzzjoni industrijali jkun hemm konsegwenzi fuq il-qligħ u fuq l-impjiegi. Hu qal li jekk din is-sitwazzjoni tippersisti, tkun inkwetanti għall-ekonomija Maltija għax tindika tnaqqis fil-kompetittivita`.
David G.Curmi qal li s-settur tal-manifattura jiggenera l-ekwivalenti ta’ 13 fil-mija ta’ dak kollu li jipproduċi l-pajjiż u għalhekk hu ta’ tħassib li jkun hemm tnaqqis konsistenti fil-produzzjoni industrijali.
Hu ħabbar li l-Kamra tal-Kummerc għadha kif nediet rapport estensiv dwar politika industrijali għal pajjiżna. Appella biex l-imsieħba soċjali jadottaw dan id-dokument bħala roadmap biex niżguraw tisħiħ ta’ dan is-settur importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Min-naha tieghu, l-ekonomista Gordon Cordina qal li l-ekonomija Maltija qed taqleb minn produzzjoni industrijali ghas-servizzi. Imma importanti wkoll ikollna settur tal-manifattura b’saħħtu għax jgħin biex l-ekonomija tkun diversifikata u jsostni setturi oħra fl-ekonomija. Hu qal li l-enfasi għandha tkun fuq it-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema.
//= $special ?>