Lokali

Editorjal: Il-vot mas-16 isir vot mal-20

Fost l-istituzzjonijiet imwaqqfin minn gvernijiet Nazzjonalisti biex jagħtu l-poter lin-nies, flok iżommuh konċentrat f’idejn il-Gvern, kien hemm il-kunsilli lokali li qed jagħlqu 20 sena mindu twaqqfu meta kienu saru l-ewwel elezzonijiet tagħhom.
Il-Kunsilli rnexxew u wrew…

Il-Kunsilli Lokali f’dawn l-20 sena rnexxew u wrew kemm il-filosofija tal-Partit Nazzjonalista li ma jżommx il-poter f’idejn il-Gvern, anzi jgħaddih direttament lin-nies jew kemm jista’ jkun qrib in-nies, ħadmet u ħadmet tajjeb mhux fil-Kunsilli biss.

…kemm hi tajba l-filosofija tal-Partit Nazzjonalista
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qatt ma ried li jiddeċiedi l-Gvern x’tixtri jew x’tistudja jew fejn tonfoq flusek jew fejn tinvestihom; għax il-filosofija tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienet li dan tiddeċidih inti u mhux il-Gvern għalik, bħal qabel.

Istituzzjonijiet indipendenti biex jgħassu fuq il-Gvern
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ħoloq istituzzjonijiet indipendenti bħall-Ombudsman – maħtur bil-qbil ta’ kulħadd u li jgħasses fuq l-amministrazzjoni tal-Gvern stess – ħalli dejjem tonqos il-konċentrazzjoni tal-poter f’idejn il-Gvern.

Deċiżjonijiet kemm jista’ jkun qrib in-nies
U waqt li l-amministrazzjoni tal-lokalitajiet trid bilfors issir minn istituzzjoni tal-istat, din hi eletta min-nies ta’ kull lokalità u b’hekk id-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib in-nies minn dawk eletti minnhom f’kull lokalità.
Idea tal-Partit Nazzjonalista li d-dritt tal-vot…
Idea li kienet ħarġet miż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista kienet li l-vot ikompli jitwessa’ għaż-żgħażagħ ta’ 16 fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli. Hekk jew jekk ta’ 16 jekk jaħdmu jridu jħallsu t-taxxa u mat-taxxa suppost jiġi d-dritt tar-rappreżentanza.

… jitwessa’ għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena
Dan issa twettaq b’liġi li għaddiet xahar ilu bil-qbil taż-żewġ naħat politiċi fuq din l-idea tal-Partit Nazzjonalista. U b’hekk iż-żgħażagħ li se jkollhom 16 jew 17 jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli li jmisshom isiru s-sena d-dieħla.
Ħadu dan id-dritt u tilfuh mill-ewwel

Imma ż-żgħażagħ li ħadu dan id-dritt xahar ilu, ġimagħtejn wara tilfuh mill-ewwel għax il-Prim Ministru Joseph Muscat deherlu li issa n-nies għajjew jivvutaw u qabad u neħħa l-elezzjonijiet tal-Kunsilli għal din il-leġiżlatura.
Ikollhom jistennew sakemm ikollhom 20 jew 21.

Mela l-eluf ta’ żgħażagħ li kellhom jivvutaw mas-16 jew 17 fil-Kunsill għall-ewwel darba – żgur mhux għajjenin – issa jridu jistennew sakemm ikollhom 20 jew 21.
Gvern li jippretendi li meta jfettillu jneħħi l-elezzjonijiet.

Dan hu l-mod kif Gvern li telagħlu għal rasu jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet l-aktar bażiċi. Il-mod kif Gvern li ma kien iddejjaq xejn jiggverna kontra r-rieda tan-nies, issa jippretendi li meta jfettillu jneħħi l-elezzjonijiet.