Politikanta li kkontestat bla suċċess l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009 kienet ordnata tħallas is-somma ta’ €9,428 lill-kumpanija li stampatilha xogħol ta’ propooganda relatata mal-kampanja elettorali, għall-elezzjoni tal-2009.
Il-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati kienet saret mill-Media Today Company Limited kontra Mary Gauci li kienet il-kap u l-unika kandidat tal-partit Libertas Malta.
Mill-provi mressqa quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ħareġ li fit-13 ta’ Mejju 2009, Gauci kienet marret fl-uffiċini tal-kumpanija u ffirmat ‘booking form’ dwar xi reklami.
Hija ordnat 160,000 fuljett kif ukoll 12,000 ‘business card’ għall-prezz ta’ €8,271. Waqt li l-firma kienet tagħha u anke l-isem bħala ‘contact person’ kien tagħha, bħala kumpanija kien hemm miktub Libertas Malta.
F’Mejju tal-2009 Gauci kienet ħarġet żewġ ċekkijiet. Madankollu t-tnejn li huma ma setgħux jissarfu u kien dan li wassal biex il-kumpanija ħadet il-każ fil-Qorti tal-Maġistrati.
Il-każ instema quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera fejn Gauci qalet li l-kont kien jgħajjat lil Libertas Institute imma l-imsemmija Maġistrat irrimarkat li l-isem Libertas fuq l-‘invoice’ kif suġġerit mill-avukat ta’ Gauci jidher li kien Libertas Malta.
Waqt li semmiet kif mix-xiehda ta’ rappreżentant tal-MFSA ma jidhirx li hawn xi kumpanija Malta reġistrata bl-isem Libertas, il-Maġistrat sostniet li m’hemmx dubju li l-isem Libertas Malta “kien hemm biex jiżvija min kien responsabbli għal dan il-kont”.
Fil-każ irriżulta wkoll li dak li għal xi żmien kien is-‘sales representative’ tal-Media Today, Mark Causon, spiċċa wkoll ‘campaign manager’ tal-Libertas Institute f’Malta.
Għalkemm Causon qal fix-xiehda tiegħu li l-‘booking’ tax-xogħol li ffirmat għalih Gauci kien ta’ Libertas Institute, il-Maġistrat Scerri Herrera qalet ċar u tond li ma kinietx qed temmnu għax minn imkien ma jirriżulta li kien jgħajjat lill-istess Libertas Institute.
Il-kliem Libertas Malta fuq il-‘booking form’ għandha tinftiehem li kien hemm xi Libertas hawn Malta. Issa jekk il-konvenuta (Gauci) kienet se toħroġ mal-partit Libertas hawn Malta u kellha xi arranġamenti mal-Libertas estera dwar xi ħlasijiet, dawn l-arranġamenti m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazzjoni eżistenti bejnha u s-soċjetà attireċi (Media Today)”.
Il-Qorti qalet li il-kumpanija kellha kull dritt u dover li tfittex lil Gauci għall-ħlas u jekk riedet setgħet iddur fuq Libertas Institute barra minn Malta għħal xi rifużjoni tal-ammont. Kien għalhekk li hija tat raġun lill-kumpanija Media Today Company Limited u ordnat lil Gauci biex tħallas l-imsemmija somma din il-kumpanija.
//= $special ?>

