Kontra kull mistenni, l-Istati Uniti kienu anqas minn minuta ‘l bogħod milli jikkwalifikaw għall-istadju li jmiss tat-Tazza tad-Dinja. Dan hekk kif sal-aħħar sekondi mill-ħin miżjud, l-Istati Uniti kienu qed jirbħu lill-Portugall 2-1, qabel ma l-Portugiż Silvestre Varela rċieva mingħand Cristiano Ronaldo u bir-ras għalaq il-logħba 2-2.
Fil-bidu tal-logħba, kienu l-Portugall li marru fil-vantaġġ sa minn kmieni. Fil-fatt, fil-ħames minuta, Nani tefa’ fix-xibka wara żball fid-difiża Amerikana. Meta deher li dan seta’ jaqta’ qalb l-Amerikani, fil-fatt ma seħħx hekk. Għax matul il-logħba, dawn komplew jistinkaw sakemm saħansitra dawwru r-riżultat favurihom. Gowls ta’ Jermaine Jones u Clint Dempsey, fit-63 u fit-80 minuta rispettivament, setgħu kienu l-konsegwenza li jibgħatu lill-Portugiżi lura d-dar, filwaqt li jaqtgħu l-biljett għat-tim tagħhom għall-istadju li jmiss.
B’hekk, issa, min se jgħaddi għar-rawnd li jmiss minn Grupp G ikun deċiż fl-aħħar jum tal-logħob, meta l-Istati Uniti tiltaqa’ mal-Ġermanja (iż-żewġ naħat b’erba’ punti) u l-Ghana mal-Portugall (it-tnejn b’punt wieħed biss).
//= $special ?>

