William Mercieca ta’ 40 sena mill-Belt, li kien qed jiskonta piena ta’ sentenza l-ħabs kellu l-piena ta’ ħabs imnaqqsa b’xahar wara li Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-ġrieħi li kkawża lill-gwardjan tal-ħabs f’każ li seħħ disa’ snin ilu ma kinux gravi, iżda ħafif.
L-Imħallef Lawrence Quintano li sema’ il-każ li seħħ fil-5 ta’ Diċembru, 2005 meta għall-ħabta tad-9.15 a.m. William Mercieca, li kien fid-Diviżjoni 13 tal-Ħabs meta qam argument bejnu u bejn il-gwardjan Stephen James Camilleri.
Li ġara kien li Mercieca beda joġġezzjona li l-bieb taċ-ċella jinżamm maqful u qabad lill-gwardjan mil-katina taċ-ċwievet taċ-ċelel, insultah u attakkah b’kitla mimlija bit-te sħun. Il-ħabsi kien tneħħa minn mal-gwardjan minn ħabsin oħrajn u l-gwardjan spiċċa l-isptar fejn ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ksur f’subgħajh ta’ idejh ix-xellugija.
L-Ispettur Jurgen Vella kien ressaq lil Mercieca l-Qorti u akkużah li weġġa’ serjament lill-uffiċjal Stephen James Camilleri, li hedded u attakka uffiċjal pubbliku u li kien sar reċidiv. Fit-30 ta’ Novembru, Mercieca ngħata piena ta’ disa’ xhur ħabs.
Il-priġunier kien appella mis-sentenza hekk kif sostna li l-feriti ma kinux gravi u li ma nġiebu ebda provi ta’ sfreġju jew deformità fil-Qorti. Għamel ukoll l-istess argument fl-akkuża dwar it-theddid. Aktar minn hekk, l-appellant dam tiela’ u nieżel il-Qorti għal seba’ snin sħaħ qabel ma ngħatat is-sentenza.
Il-Qorti tal-Appell qaletli skont id-dizzjunarju Macmillan deformità tfisser meta parti tal-ġisem ma tkunx fil-forma normali, filwaqt li sfreġju jfisser meta tħassar l-apparenza ta’ xi ħadd jew xi ħaġa. Għalhekk qal li deformità tfisser xi ħaġa aktar gravi milli tisfreġja. Madankollu, osserva wkoll li fil-liġi Maltija m’hemmx bżonn isir sfreġju jew deformità biex il-ġrieħi jkunu gravi.
L-Imħallef qal fis-sentenza tiegħu li ma nġiebet ebda prova li l-ġrieħi kienu gravi u għalhekk iridu jitqiesu bħala ħfief. Qal ukoll li minn dak iż-żmien ’l hawn il-priġunier biddel ħajtu u ma reġax tressaq il-Qorti.
Tkellem ukoll li l-proċeduri ħadu fit-tul u għalhekk qal li dan ġie kkunsidrat fl-għoti tas-sentenza, minkejja li tenna li l-ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva għandhom jiġu rrispettati u mhux attakkati. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell kien deċiż li l-piena ta’ disa’ xhur ħabs għal Mercieca għandha titnaqqas b’xahar.


