Lokali

Il-ġonna tal-Palazz tal-President se jinbidlu f’manifestazzjoni ta’ kultura’ u tradizzjonijiet Maltin

Il-ġonna tal-Palazz tal-President f’San Anton bejn il-11 u t-12 ta’ Lunju se jinfetħu għall-pubbliku għall-Festa f’Sant’Anton, attivita’ organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Dan tħabbar mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha fissret din l-attivita’ bħala waħda li għandha l-għan li ġġib il-familji flimkien u, permezz tad-divertiment san u l-kultura, il-poplu jkun qed jagħti kontribuzzjoni lill-Malta Community Chest Fund li ta’ kull xahar tgħin finanzjarjament lil persuni li jkollhom bżonn il-kimoterapija jew isofru minn mard kroniku ieħor.

Kif jixhed l-isem tal-attivita’, dawk li se jattendu jistgħu jgawdu t-tradizzjonijiet Maltin hekk kif għal dawn il-jumejn il-ġonna se jinbidlu f’manifestazzjoni ta’ kultura’ u tradizzjonijiet Maltin. Il-ġonna tal-palazz se jilqgħu logħob tradizzjonali, il-banda, snajjiet u artiġjanat, għana tradizzjonali, bands folkloristiċi u medjevali, l-inguardia u kantanti. Ma jonqosx ukoll l-ikel u x-xorb tradizzjonali Malti.

Il-President fetħet ukoll il-ġonna privati tal-Palazz ta’ Sant’Anton fejn se jkun hemm artisti jpittru, mużika kif ukoll drama fit-Teatru Grieg. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet ma’ Transport Malta biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku lejn l-inħawi.

Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-President appellat lit-tfal Maltin u Għawdxin biex fil-ġimgħat li ġejjin jissottomettu tpinġijiet marbuta mal-identita’ Maltija biex dawn jittellgħu f’esebizzjoni li se tintrama apposta dakinhar tal-attivita’.

Il-biljetti għal din il-festa jinsabu għall-bejgħ għall-prezz ta’ erba’ ewro għal ġenituri bit-tfal jew ħames ewro għall-adulti. Wieħed jista’ jikseb il-biljetti mill-Palazzi tal-President fil-Belt Valletta jew Sant’Anton.