Lokali Saħħa

Il-Gvern għandu jirrimedja inġustizzja serja meta neħħa lil Charmaine Attard mill-FMS

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex minnufih jirrimedja inġustizzja serja li wettaq f’Mejju 2013 meta neħħa lil Charmaine Attard mill-kariga ta’ Director Nursing and Midwifery fl-Isptar Mater Dei. L-uniku rimedju, saħaq il-PN, hu dak li Attard terġa’ tingħata l-kariga li kellha.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech, il-PN qal li Charmaine Attard kienet magħżula wara sejħa pubblika u, minkejja li dejjem wettqet dmirha kif mitlub, f’Mejju 2013 tnehhiet minn Mater Dei biex minflokha nħatret persuna fuq bażi ta’ position of trust.

L-istqarrija fakkret li l-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman ikkritika lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Medici u lill-awtoritajiet tas-saħħa għall-aġir tagħhom. Il-Kummissarju għas-Saħħa qal li dawn umiljaw u weġġgħu lil Attard, li sfat vittma ta’ inġustizzja.

Għaldaqstant, erba’ xhur wara li l-Uffiċċju tal-Ombudsman wasal għal din il-konklużjoni, il-PN qed jitlob li l-Gvern jattwa minnufih il-parir tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u Attard terġa’ titpoġġa fil-kariga u x-xogħol li kellha qabel Mejju 2013.