Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob dibattitu urġenti dwar il-mod kif l-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jiġi imminat mill-Gvern

Talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex il-Parlament jiddiskuti b’urġenza l-każ tal-Ombudsman li qed jiġi mċaħħad informazzjoni mill-Gvern, ġiet miċħuda f’ruling mill-Ispeaker fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn. It-talba ġiet miċħuda għaliex meqjusa mill-Ispeaker bħala importanti iżda mhux urġenti.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia fis-seduta tal-bieraħ, ħeġġeġ lill-partijiet biex jilħqu ftehim biex issir diskussjoni dwar is-suġġett fil-Parlament.
Wara l-ħin tal-mistoqsijiet, Simon Busuttil talab lill-Ispeaker biex skont l-ordnijiet tal-Kamra jressaq mozzjoni li titqies bħala ta’ natura definita, ta’ importanza pubblika u nazzjonali, u ta’ natura urġenti.
Hu rrefera għall-protest ġudizzjarju li sar mill-Ombudsman kontra l-Gvern wara li dan ċaħad li jagħti lill-Ombudsman aċċess għal informazzjoni biex ikun jista’ jinvestiga ilment li sar minn uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li jħossu li nqabżu fi promozzjonijiet li saru.

Simon Busuttil qal li nhar il-Ġimgħa l-Gvern ippreżenta l-kontroprotest fejn wera li jrid jibqa’ jinsisti li jċaħħad lill-Ombudsman, li hu istituzzjoni kostituzzjonali, milli jwettaq id-doveri tiegħu li jkun tarka għaċ-ċittadini.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera wkoll għall-opinjoni espressa mill-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello, li ddeskriva sitwazzjoni bħal dik ta’ azzjoni mill-Onbudsman kontra l-Gvern bħala ċirkostanza li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ kriżi kostituzzjonali.

Simon Busuttil qal li m’hemmx dubju li sitwazzjoni bħal din tissodisfa l-kriterji mitluba mir-regolamenti tal-Kamra biex ikun hemm l-aġġornament tas-seduta u ssir diskussjoni dwar dak il-każ mill-aktar fis.

Il-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Carmelo Abela, qal li l-Gvern m’għandu l-ebda oġġezzjoni jiddiskuti din il-mozzjoni, iżda ma jarax li hemm urġenza li l-każ jista’ jkun diskuss f’seduta oħra tal-Parlament wara li jintlaħaq qbil fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni ressqet il-mozzjoni issa peress li din kienet l-ewwel seduta li fiha setgħet tagħmel dan wara li l-Gvern wieġeb il-protest tal-Ombudsman nhar il-Ġimgħa.

Il-Ministru Manwel Mallia rringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni li ressaq din il-mozzjoni biex ikun jista’ jiġi definit dak li tgħid il-liġi inkwistjoni li, sostna, tagħti raġun lill-Gvern. Hu qal li l-Gven qed jimxi skont dak li dejjem mexa l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Sostna wkoll li dejjem hekk sar taħt il-Gvern preċedenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jistax jifhem kif każ li qed jiġi deskritt bħala li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ kriżi kostituzzjonali, mhux qed jitqies mill-Gvern bħala urġenti.

Rigward dak li qal il-Ministru Mallia dwar x’kien isir taħt l-amministrazzjoni preċedenti, Simon Busuttil qal li taħt il-Gvern preċedenti qatt ma kien hemm każ fejn l-Ombudsman ħa passi bil-Qorti kontra l-Gvern, u qatt ma kien hemm okkażjoni fejn il-Gvern ċaħad li jagħti informazzjoni jew tellef milli tingħata informazzjoni mitluba mill-Ombudsman biex iwettaq id-dmir tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman hu uffiċċju Kostituzzjonali li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Parlament u għalhekk għandu jingħata l-protezzjoni tal-Parlament.