It-tnedija ta’ gazzetta mill-organizzazzjoni SOS Malta serviet bħala okkażjoni li fiha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca enfasizzat l-importanza tal-integrazzjoni ta’ persuni ġejjin minn kulturi differenti. Hi qalet li l-fatt li l-persuni minn orjentazzjoni differenti jgħixu flimkien isaħħaħ il-paċi fost il-bnedmin.
Fil-Palazz ta’ San Anton, SOS Malta niedew il-gazzetta “Side by Side”, bl-iskop li jippromwovu l-integrazzjoni u d-diversità f’Malta. Dan il-proġett ta’ 14-il xahar hu kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u għandu jservi biex il-poplu Malti jifhem aktar l-importanza tal-integrazzjoni ta’ kulturi differenti fis-soċjetà Maltija.
Waqt it-tnedija tal-gazzetta tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta Claudia Taylor-East, li enfasizzat l-impenn ta’ SOS Malta lejn din l-integrazzjoni. It-tema ewlenija tal-gazzetta tiffoka fuq il-mistoqsija “Xi jfissru l-interkulturaliżmu u d-diversità kulturali għalik?”. Fil-gazzetta hemm artikli dwar suġġetti marbutin mal-immigrazzjoni, il-ħidma maż-żgħażagħ, intervista mal-President ta’ Malta u stejjer dwar l-integrazzjoni fil-komunità.
//= $special ?>