Edukazzjoni Lokali

Aġġornata: Imut Paul A Attard, li kellu karigi importanti l-aktar fil-qasam edukattiv

Tħabbret il-mewt ta’ Paul A Attard, li fil-karriera tiegħu kellu numru ta’ karigi importanti, l-aktar fil-qasam edukattiv. Hu miet fl-età ta’ 72 sena.

Attard, li kien minn Birkirkara, tilef ħajtu f’inċident u se ssir awtopsja fuq il-katavru tiegħu. Stqarrija maħruġa mill-Pulizija qalet li hu nstab mejjet dalgħodu wara li x’aktarx waqa’ minn għoli ta’ madwar sular f’xi ħin matul il-lejl li għadda wara li kien preżenti għal attività fuq il-bejt ta’ bini fi Triq l-Ordinanza fil-Belt.

Fl-2000, hu nħatar bħala Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u wara nħatar ukoll bħala Konsulent fi ħdan l-istess Ministeru.

Bejn l-2006 u l-2010, Paul A Attard serva bħala President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknologija (MCAST) u aktar tard inħatar ukoll Chairman tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Hawn, hu dam iservi għal tliet snin.

L-aħħar karigi li kien għadu jservi fihom Attard kienu dawk ta’ Membru fil-Bord tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u President tal-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann.

Paul A Attard kien miżżewweġ lil Margaret u kellhom żewġt itfal: Christine u l-Kurunell David Attard, l-eks Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Stqarrijiet ta’ kondoljanzi

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Paul A Attard u qal li dan jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu biex titwettaq ir-rivoluzzjoni edukattiva f’pajjiżna. Il-PN qal li Attard kien attiv ħafna fil-Partit u baqa’ jagħti kontribut fit-tfassil tal-politika edukattiva tal-Partit wara li rtira mill-ħidma tiegħu fiċ-Ċivil.

Sa ġimgħa ilu, Paul kien qed jieħu sehem f’laqgħat tal-PN dwar il-ħtieġa ta’ politika dwar il-lingwi fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Il-PN sellem lil Attard u ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu f’dan il-mument diffiċli.

Min-naħa tagħha, fi stqarrija l-Union tal-Għalliema (MUT) qalet li tinsab imnikkta bl-aħbar tal-mewt ta’ Paul A. Attard u tat il-kondoljanzi tagħha lill-familja.