Qorti

Ingliż b’ diżabbiltà mixli bi traffikar ta’ kannabis

Ingliż ta’ dixxendenza Maltija u li għandu 26 sena, residenti l-Gżira , u li għandu diżabbiltà minħabba l-marda ta’ l-artritè, ġie mixli bit-traffikar ta’ 75 gramma tad-droga kannabis. Huwa ġie akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu din id-droga u li kellu karta tal-identità invalida.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-Ispettur Jason Francis Sultana ressaq lil Perrie Daniel Amarni Sciberras minn Portsmouth, fl-Ingilterra bl-akkużi li kien qed jittraffika d-droga kannabis.

Il-Pulizija kienet infurmata li Sciberras kien fil-pussess ta’ din id-droga u wara li kisbet ‘warrant’ uffiċjali biex tagħmel tfittxija, u sabet fir-residenza tiegħu pakketti tad-droga kannabis li jammontaw għal madwar 75 gramma, miżien diġitali u boroż żgħar tal-plastik, oġġetti kolha relatati mat-traffikar tad-droga.

Barra minn hekk, Sciberras ġie mixli wkoll li l-karta tal-identità tiegħu ma kinitx valida u li naqas milli jirrapporta dan. Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali, Anthony Cutajar l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkuż miġjubin kontrih u talab għal liberta’ proviżorja.

Filwaqt li fil-Qorti ġie spjegat li Sciberras ma jaħdimx għax għandu diżabbiltà minħabba l-kundizzjoni tal-artritè, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jason Francis Sultana qalet li r-raġel ikkollabora mal-Pulizija, tant li anke wrihom fejn kienet moħbija parti mid-droga.

Minkejja dan, il-Prosekuzzjoni talbet li jsiru ċerta kundizzjonijiet peress li Sciberras ma tantx għandu rabtiet ma’ Malta ħlief lil ommu. L-avukat Cutajar minn naħa tiegħu qal li li l-unika nies li għandu l-akkużat qegħdin Malta u għalhekk m’għandux raġuni għaliex jitlaq.

Il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li talbet lill-akkużat biex jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, u biex ħallii depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.