Ambjent Lokali

Ippubblikata s-sejħa internazzjonali għall-interess fis-sit tal-White Rocks

Il-Gvern ippubblika sejħa internazzjonali għall-interess għall-konċessjoni għad-disinn, il-bini u t-tmexxija tas-sit tal-White Rocks. Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha qal li l-ħsieb wara din is-sejħa hu li din iż-żona strateġika f’pajjiżna tinbidel fi proġett turistiku ta’ livell għoli.

Chris Cardona qal li dan il-proġett għandu jinkludi lukandi lussużi ta’ mhux anqas minn 5 stilel u units oħra lussużi. Hu saħaq li dan il-proġett se jkompli joffri servizz u prodott ta’ kwalità għolja lit-turisti li jżuru pajjiżna. Cardona qal li dan il-proġett għandu jimmassimizza l-valur ekonomiku u ambjentali ta’ dan is-sit.

Dwar il-valur ekonomiku, il-Ministru Chris Cardona qal li l-proġett White Rocks Malta se jattira l-investiment lokali u barrani lejn pajjiżna, se joħloq l-impjiegi u se jkompli jsaħħaħ l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. B’hekk, saħaq Cardona, se nkunu l-aqwa fl-Ewropa. Dwar il-lat ambjentali, Cardona qal li dan il-proġett se jkun qed jikkonserva r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna, filwaqt li kompla li s’issa m’hemmx il-ħsieb li dan il-proġett jinkludi reklamazzjoni tal-art.

Il-medda tal-art tal-White Rocks hi ta’ madwar 400 tomna, li iżda mhux se tkun mibnija kollha minħabba li hu ppjanat li l-proġett ikun jinkludi fih numru ta’ ġonna. Il-kumpaniji jew konsorzja nteressati jistgħu jiġbru d-dokument tal-espressjoni ta’ nteress sal-20 ta’ Settembru, filwaqt li s-sottomissjonijiet se jintlaqgħu sal-24 ta’ Ottubru.