Lokali

It-tieni kariga f’sena għal Frans Ghirxi

It-tieni kariga f’sena għall-eks Editur tal-ġurnal tal-GWU Frans Ghirxi, hekk kif eżatt wara l-elezzjoni, diġà kien inħatar Segretarju Privat tas-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca. F’Marzu li għadda, Franco Mercieca rriżenja mill-kariga fil-Kabinett u għalhekk Ghirxi spiċċa bla xogħol.

Iżda bħalma ġara fil-każ tal-eks ġurnalist tal-istess ġurnal Owen Galea, li saħansitra kien diġà ngħata kariga fil-PBS qabel tħabbret b’mod uffiċjali r-riżenja ta’ Franco Mercieca, anke Frans Ghirxi ngħata kariga oħra. Din id-darba, hu ngħata l-kariga ta’ Senior Executive fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC).

Jirriżulta li r-rwol li qed jokkupa Ghirxi hu ta’ Assistent Personali tal-Kap Eżekuttiv tal-ETC Philip Rizzo. Min-naħa tiegħu, Rizzo nħatar f’din il-kariga f’April li għadda wara li qabel l-elezzjoni ġenerali, indirizza kemm-il darba attivitajiet tal-Partit Laburista. B’hekk, issa, il-Kap Eżekuttiv tal-ETC għandu 63 sena, u l-Assistent Personali tiegħu huwa sentejn akbar.

Frans Ghirxi, li hu pensjonant, għamel numru ta’ snin ma jaħdimx wara li kien irtira bl-età. Madankollu, wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, issa reġa’ daħal fid-dinja tax-xogħol, b’kariga ta’ fiduċja għal waħda tnejn.