Lokali Qorti

L-eks Editur tal-gazzetta tal-GWU immultat €5,000 f’kawża ta’ libell mill-eks CEO ta’ TM

L-eks Editur tal-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd tal-GWU Aleks Farrugia ġie mmultat €5,000 f’danni fil-konfront tal-eks CEO ta’ Transport Malta (TM) Stanley Portelli. Il-Qorti ddeċidiet li Farrugia jinstab ħati f’kawża ta’ libell wara li fit-8 ta’ Lulju 2012 il-gazzetta tal-GWU ippubblikat ritratt kbir ta’ Portelli f’nofs faċċata akkumpanjat mill-kitba “Investigazzjoni”.

Artiklu fil-gazzetta tal-GWU qal li kienet għaddejja investigazzjoni dwar kif TM xtrat 10 karozzi minn kumpanija li d-Direttur tagħha hu parti minn kumitat ta’ TM. Minn evidenzi ppreżentati fil-Qorti, irriżulta li Stanley Portelli qatt ma kien qed jiġi nvestigat. Min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-karozzi nxtraw minn kumpanija li wieħed mid-Diretturi tagħha kien jifforma part mill-Kumitat ta’ TM għall-Affarijiet Marittimi. Madankollu, dan qatt ma ssemma’ fl-artiklu msemmi.