OLANDA……………….2
ĊILE………………………0
Olanda: Cillessen, Janmaat, De Vrij, Vlaar, Blind, Kuyt, De Jong, Wijnaldum, Sneijder, Lens, Robben
Ċile: Bravo, Silva, Medel, Jara, Isla, Diaz, Mena, Aranguiz, Sanchez, Vargas, Gutierrez
Imwissija: Silva (Ċ), Blind 64′ (O)
Skurjaw: Fer 77′ , Depay 90′ (O)
Referee: Bakary Papa Gassama (GAM)
L-Olanda rebħet Grupp B hekk kif għelbet liċ-Ċile 2-0. Qabel il-logħba ż-żewġ timijiet kienu jafu li diġa’ għaddew għall-fażi li jmiss u b’hekk dan il-konfront kien utli biex jiddetermina min se jirbaħ il-grupp.
Il-kowċ tal-Olanda Van Gaal iddeċieda li jibda b’Dirk Kuyt fl-attakk minflok Robin Van Persie li kien sospiż. Kuyt kien mgħejjun minn Sneijder u Robben, żewġ plejers li impressjonaw fl-ewwel żewġ partiti. Iċ-Ċile serrħu lill-midfielder Arturo Vidal.
Fl-ewwel taqsima ċ-Ċile kienu kemmxejn aħjar mill-Olanda u wara 13-il minuta Vargas kellu ċans b’daqqa ta’ ras imma din marret għoli. Tliet minuti wara l-Olanda irrispondew meta Vlaar għadda ballun lejn Robben imma l-plejer ta’ Bayern Munich ma laħaqx il-ballun.
Fil-21 minuta ċ-Ċile ingħataw free kick minn tarf il-kaxxa meta Sneijder waqqa` lil Vargas u Gutierrez spara għoli. Tliet minuti wara kienu l-Olanda li ingħataw free kick meta Lens twaqqa` minn Silva imma x-xutt ta’ Sneijder kien salvat mingħajr diffikulta` minn Bravo.
L-aqwa ċans tal-ewwel taqsima għall-Olanda wasal meta fit-33 minuta Robben kellu free kick li mar ftit barra.
Żewġ minuti wara ċ-Ċile ipprotestaw għall-penalty meta Sanchez twaqqa` fil-kaxxa minn Kuyt imma r-referee Bakary Papa Gassama ma saffarx u wieħed jista’ jgħid li din kienet deċiżjoni ġusta. Robben reġa’ kellu ċans ieħor imma ra x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek minn mal-lasta.
Ir-reazzjoni taċ-Ċile waslet minuta minn tmiem l-ewwel taqsima meta daqqa ta’ ras ta’ Gutierrez għaddiet ftit barra.
L-ewwel ċans tat-tieni taqsima wasal għand Sanchez li ipprova xutt li mar għoli. Kwarta mit-tmiem l-Olanda rebħu corner meta Bravo salva xutt fuq Memphis. Mill-corner skurja b’daqqa ta’ ras Leroy FER li kien għadu kemm daħal fil-grawnd minflok Sneijder.
10 minuti mit-tmiem iċ-Ċile marru viċin li jġibu d-draw meta De Jong kien se jitfa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Minuta fuq il-ħin miżjud l-Olanda issiġillaw ir-rebħa b’gowl ta’ DEPAY li ma żbaljax wara li irċieva mingħand Robben.
//= $special ?>