Il-Gvern ma ppreżentax id-dokumenti meħtieġa kif jitolbu r-regoli tal-Kamra.
Diskussjoni li kellha ssir dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq ta’ Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ma saritx wara li ma kinux ippreżentati d-dokumenti meħtieġa.
Meta kienet se tibda d-diskussjoni dwar l-estimi, id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li skont ir-regoli tal-Kamra, id-diskussjoni dwar dawn l-estimi ma setgħetx issir għaliex flimkien mal-mozzjoni ma kienx hemm id-dokumenti meħtieġa.
Francis Zammit Dimech sostna li ma kienx hemm ir-rapport annwali, ir-rapport finanzjarju, l-accounts u l-estimi ta’ Heritage Malta u għalhekk għas-serjetà tal-istess Parlament ma jqisx li l-Kamra setgħet tmur għad-diskussjoni kif mitlub fil-mozzjoni mressqa mill-Gvern.
Il-mozzjoni tressqet tard fis-seduta wara li l-Kamra kienet sospiża għal madwar siegħa sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling dwar talba li saret aktar qabel mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li filwaqt hu jqis li kien hemm id-dokumenti mitluba mil-liġi biex titressaq il-mozzjoni, jifhem it-talba ta’ Francis Zammit Dimech li xtaq li jkollu aktar informazzjoni.
Il-Ministru Bonnici qal li kien lest li tibda d-diskussjoni iżda kien ċar li din ma kinitx se titlesta fil-ħin li kien fadal. Matul id-diskussjoni setgħet tingħata aktar informazzjoni li xtaqet l-Oppożizzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li d-dokumenti li huma nieqsa huma rikjesti mil-liġi u d-diskussjoni m’għandhiex tibda qabel ma jkunu ppreżentati d-dokumenti relattivi.
Il-partijiet qablu li d-diskussjoni titħalla għal seduta oħra. Kien hemm qbil li jekk id-dokumenti mitluba ma jaslux lill-Oppożizzjoni, id-diskussjoni titħalla għal data oħra.
//= $special ?>