Lokali

Spanja jsellmu b’rebħa u jevitaw l-aħħar post

AWSTRALJA……………0
SPANJA…………………… 3

Awstralja: Ryan, McGowan, Davidson, Spiranovic, Wilkinson, Oar (Troisi 61′), Bozanic (Bresciano 72′), Jedinak, McKay, Leckie, Taggart (Halloran 45′)
Spanja: Reina, Juanfran, Albiol, Ramos, Alba, Alonso (Silva 83′), Koke, Cazorla (Fabregas 68′), Iniesta, Torres, Villa (Mata 57′)

Imwissija: Spiranovic, Jedinak (A); Ramos (S)
Skurjaw: Villa 36′, Torres 69′, Mata 82′
Referee: Nawaf Shukralla (BAH)

Iċ-Champions renjanti Spanja evitaw li jispiċċaw l-impenji tagħhom fit-Tazza tad-Dinja fl-aħħar post ta’ Grupp B meta għelbu lill-Awstralja f’Curitiba.

Gowls minn David Villa, Fernando Torres u Juan Mata evitaw li La Roja jġarrbu t-tielet telfa konsekuttiva għall-ewwel darba sa mill-1991. Ir-riżultat ifisser li Spanja spiċċaw it-tielet fil-grupp, bi tliet punti wara rebħa u żewġ telfiet u l-Awstralja fl-aħħar post bi tliet telfiet.

Kif kien mistenni, l-kowċ ta’ Spanja Vicente del Bosque għamel diversi tibdiliet wara l-wirjiet diżappuntanti kontra l-Olanda u ċ-Ċile. Bejn il-lasti beda l-gowlkiper Reina minflok Casillas filwaqt li David Villa beda fl-attakk minflok Diego Costa. Għat-tieni darba konsekuttiva Xavi u Pique tħallew barra. L-Awstralja kellhom lill-attakkant Tim Cahill nieqes minħabba li kien sospiż u fl-attakk bdew Matthew Leckie u Adam Taggart.
Fl-ewwel nofs siegħa Spanja deher li kienu għadhom taħt l-effett tal-eliminazzjoni b’passaġġi ħżiena, inċertezza fid-difiża u nuqqas ta’ penetrazzjoni fl-attakk.
Imma Villa taffa din l-inċertezza disa’ minuti qabel il-mistrieħ. Iniesta xeħet mal-linja lejn id-difensur Juanfran u l-plejer ta’ Atletico Madrid xeħet fil-baxx fejn DAVID VILLA kompletament żmarkat dawwar bit-takkuna wara Mat Ryan. Kien id-disa’ gowl tiegħu fit-Tazzi tad-Dinja u d-69 wieħed bil-flokk ta’ Spanja f’dik li kienet is-97 u l-aħħar logħba tiegħu. Villa kien mibdul aktar tard u deher jiġi kkunslat minn sħabu fuq il-bank.
L-Ispanjoli tjiebu wara l-mistrieħ u rduppjaw fid-69 minuta meta Iniesta b’passaġġ perfett fetaħ beraħ id-difiża Awstraljana u FERNANDO TORRES b’xutt fil-baxx ma żbaljax. Kien l-ewwel gowl tiegħu fit-Tazza tad-Dinja sa mill-2006.

L-aħħar gowl Spanjol wasal tmien minuti mit-tmiem u din id-darba kien Fabregas li żmarka lil JUAN MATA fuq it-tieni lasta għal 3-0.

Fil-ħin miżjud David Silva, li wkoll kien sostitut, mar viċin ir-raba’ gowl biex Spanja sellmu b’rebħa mistħoqqa.