Kultura Lokali Mużika

Suċċess għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ “Pan the Goat God”

Kienu suċċess minn kull lat iż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-ispettaklu “Pan the Goat God”, li organizza l-Partit Nazzjonalista fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Ħaġar Qim. Permezz ta’ din l-attività, tela’ s-siparju fuq il-programm ta’ attivitajiet li l-Kumitat “50 Sena Nazzjon”, li kien twaqqaf apposta, se jkun qed jorganizza biex pajjiżna jiċċelebra l-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.

Udjenza entużjasta attendiet u segwiet b’attenzjoni dan l-ispettaklu uniku li ttella’ fuq jumejn fit-Tempji ta’ Ħaġar Qim. It-tieni rappreżentazzjoni, dik tas-Sibt, ħabtet mal-itwal ġurnata tas-sena u li tat bidu għas-Sajf. Għalhekk, ma kienx kumbinazzjoni li dan l-ispettaklu ttella’ propju f’din il-ġurnata u lejlietha, hekk kif it-Tempji ta’ Ħaġar Qim huma magħrufin għas-Solistizju tas-Sajf, li kien parti mill-kalendarju ta’ missirijietna tal-imgħoddi li bnew dan it-Tempju.

Barra minhekk, il-Ġimgħa, 20 ta’ Ġunju ħabat ukoll Jum il-Mużika u “Pan the Goat God Ħaġar Qim” jista’ jiġi deskritt bħala kapolavur mużikali u oriġinali għal dan il-Jum. Din kienet biċċa xogħol ta’ Ruben Zahra, kompożitur magħruf f’pajjiżna, li kiteb u tella’ għall-ewwel darba sitt snin ilu. Fi tmiem il-ġimgħa, il-kuntest li fih ġie ppreżentat ħa forma mill-aktar differenti u ġdida. Taħt id-direzzjoni mużikali u artistika tal-istess Zahra, l-ispettaklu f’Ħaġar Qim involva wkoll numru ta’ artisti lokali u internazzjonali ta’ fama.

Din il-kompożizzjoni hi miktuba għall-flawt, il-vjolin u l-pjanu u dawn l-istrumenti żewqu s-serata memorabbli f’Ħaġar Qim grazzi għas-sehem tal-mużicisti, il-flawtista Taljana Federica Lotti, il-vjolinista Nadine Galea u l-pjanista Tricia Dawn Williams. L-ispettaklu kien jinkludi wkoll il-koreografija, b’Arlette Mangion tkun iż-żeffiena u bis-sehem ukoll tal-attur Adrian Azzopardi, li nterpreta l-karattru ta’ Pan. Il-biċċa xogħol imqassma f’sitt xeni kienet imżewqa wkoll b’video-art tal-artist Austin Camilleri, filwaqt li n-narrazzjoni kienet f’idejn Manuel Cauchi.