Il-Ministru Evarist Bartolo jinjora petizzonijiet li saru biex it-transfers jiġu revokati
Fl-aħħar jiem, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ordna numru ta’ transfers ta’ Kapijiet tal-Iskejjel f’dak li qed jiġi deskritt minn bosta għalliema bħala caqlieq li ma hemmx bżonnu, b’mod speċjali fi Skejjel fejn kienu mexjin b’mod tajjeb ħafna. Il-ġurnal In-Nazzjon illum irrapporta li dawn id-deċiżjonijiet, tal-Ministeru mmexxi minn Evarist Bartolo, urtaw mhux ftit lill-għalliema u anke lill-ġenituri tal-Iskejjel milquta.
Kawża ta’ dawn it-transfers, numru ta’ Skejjel waslu biex għamlu petizzjonijiet li bagħatuhom direttament lill-Ministru, b’talba biex dawn id-deċiżjonijiet jiġu rtirati u ċ-ċaqlieq ma jsirx. Madankollu, irrapporta In-Nazzjon, l-unika tweġiba tal-Ministru kienet li dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu għall-ġid tal-istudenti. Fost l-Iskejjel Primarji li In-Nazzjon ġie nfurmat li se jesperjenzaw bidliet fit-tmexxija tagħhom hemm dawk tal-Gżira, ta’ Ħal Lija, tal-Gudja, ta’ San Ġwann (A u anke B), ta’ San Ġiljan u ta’ Ħ’Attard. Mhux eskluż li hemm Skejjel oħrajn li wkoll se jesperjenzaw ċaqlieq bħal dan.
Dan ir-reshuffle fil-Kapijiet tal-Iskejjel mhux qed jinżel tajjeb ma’ ħafna ġenituri u għalliema minħabba l-fatt li fl-aħħar xhur kien hemm numru ta’ tibdiliet oħrajn fl-Iskejjel. Ħafna qed jgħidu li dan it-tibdil bħal donnu mhu se jieqaf qatt. Fil-fatt, hemm Kapijiet ta’ Skejjel li ngħataw transfer u baqagħlhom sena waħda biss jaħdmu, filwaqt li oħrajn ngħataw l-inkarigu biex imexxu Skola sentejn ilu u għalhekk il-proġett li ppjanaw għat-tfal ta’ dik l-Iskola partikolari għadu fil-bidu tiegħu.
Aqra aktar fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon
L-MUT tgħid li ma tistax tifhem kif dawn it-transfers isiru mingħajr konsultazzjoni mar-riżultati tal-eżerċizzji tal-awditjar
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-istorja żvelata fil-ġurnal In-Nazzjon, il-Union tal-Għalliema (MUT) qalet li filwaqt li tirrikonoxxi li d-deployment tal-Kapijiet tal-Iskejjel hu prerogattiva tal-Gvern, ma tistax tifhem kif meta jsiru dawn it-transfers ma jiġux ikkunsidrati r-riżultati tal-eżerċizzji tal-awditjar.
L-MUT qalet li ċerti transfers lil Kapijiet li nstabu li kienu effettivi ngħataw xorta għad-detriment tal-Iskejjel u tal-kontinwità, kif ukoll tal-komunità. L-MUT qalet li tinsab imħassba wkoll wara li rċeviet ilmenti dwar nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Uffiċjali kkonċernati, fejn ma ngħatawx raġunijiet għalfejn ingħataw dawn it-transfers.
Il-Union tal-Għalliema qalet li tistenna li l-Kapijiet tal-Iskejjel ikollhom aktar feedback dwar l-andament tat-tmexxija tagħhom fl-Iskejjel li huma responsabbli għalihom, filwaqt li tispera wkoll li ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn il-Kapijiet ma jkunux jistgħu jagħmlu pjan ta’ żvilupp fit-tul għall-Iskola tagħhom minħabba biża’ ta’ ċaqlieq mhux antiċipat.
//= $special ?>