Ħarġu d-dettalji ta’ x’wassal biex fi tmiem il-Mini-Summit li kellhom f’Pariġi s-Sibt li għadda, il-mexxejja taċ-Ċentru-Xellug qablu li jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Jean-Claude Juncker mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.
Qed jingħad li biex iddikjaraw l-appoġġ tagħhom lil Juncker, il-mexxejja tal-partiti Soċjalisti għamlu l-kundizzjoni li s-Soċjalista Martin Schulz jibqa’ President tal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja Federica Mogherini tieħu l-inkarigu ta’ Kap tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea wara Catherine Ashton.
Shulz, li kien preżenti fil-kapitali Franċiża, fi tmiem il-laqgħa ddikjara li se jkun qed jippreżenta formalment il-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew. Hu mistenni jkun konfermat f’din il-kariga fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju meta jiltaqa’ għall-ewwel darba l-Parlament Ewropew il-ġdid elett fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda u wara li aktar tard din il-ġimgħa jsir is-Summit tal-UE li għandu jiddeċiedi dwar Juncker.
Madankollu, għadu mhux ċar kemm jista’ jintlaħaq qbil f’dan il-Kunsill Ewropew dwar Juncker, hekk kif il-Prim Ministru Ingliż David Cameron għadu qed jopponi l-kandidatura tiegħu u x’aktarx li se jkun qed jitlob għal vot fis-Summit. Biex Juncker ikun approvat, hi meħtieġa dik li tissejjaħ maġġoranza kwalifikata, fejn kull Gvern ikollu numru ta’ voti skont id-daqs. Dan ifisser li Cameron waħdu ma jistax iwaqqaf lil Juncker iżda jekk ikompli jikseb appoġġ minn aktar pajjiżi, minbarra l-Iżvezja, l-Olanda u l-Ungerija, li kollha huma xettiċi dwar Juncker jaf jilħaq l-għan tiegħu.
//= $special ?>