Internazzjonali

9 jinqatlu hekk kif ir-ribelli favur ir-Russja jattakkaw ħelikopter tal-Militar Ukren

Il-Militar Ukren qal li r-ribelli favur ir-Russja fl-Lvant tal-Ukrajna attakkaw ħelikopter tal-Militar Ukrejn bil-konsegwenza li dan iġġarrafġ attakk li fih inqatlu 9 persuni li kienu abbord il-ħelikopter.

L-attakk ġie ġurnata wara li r-ribelli wegħdu li se josservaw waqfien mill-ġlied sa’ nhar il-Ġimgħa bħala parti minn pjan tal-Gvern għall-paċi.

Intant, aktar kmieni il-President tar-Russja, Vladimir Putin, talab lill-Parlament ta’ Moska biex jirtira d-dritt għall-intervent militari fl-Ukrajna, fejn ir-ribelli separatisti li jridu l-għaqda akbar mar-Russi ilhom għall-aħħar xhur jikkumbattu lis-suldati tal-Gvern Ukren.

Putin bagħat ittra f’dan is-sens lill-Kunsill tal-Federazzjoni, il-Kamra ta’ Fuq tal-Parlament Russu, u b’dan il-pass qed isir biex is-sitwazzjoni ‘tqarreb għan-normal’ fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant fejn għaddej il-konflitt imdemmi.

Il-Parlament tar-Russja, fl-Ewwel ta’ Marzu, kien awtorizza lil Vladimir Putin biex juża l-forza fl-Ukrajna, u bis-sorsi qrib il-Gvern ta’ Kiev, illum, qed jgħidu li l-aħħar inizjattiva tal-President Russu hi wkoll ‘l-ewwel pass prattiku’ lejn soluzzjoni tal-kriżi fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.

Il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko, ħareġ stqarrija fis-sens li dan il-pass sar possibbli wara li Vladimir Putin kien appoġġja b’mod uffiċjali l-pjan għall-paċi ta’ Kiev, li fost oħrajn jinkludi proposta għal waqfien mill-ġlied.

Ir-Russja, xhur ilu, kienet għaqqdet il-penisola tal-Krimea ma’ artha u bi Vladimir Putin jammetti, wara, li dan kien kollu possibbli bl-għajnuna tal-qawwiet armati Russi li kienu lebsin l-uniformijiet ‘mingħajr identita speċifika’ meta infiltraw it-territorji Ukreni.

Fl-istess ħin, Moska qed tiċħad għall-akkużi li t-truppi tagħha, fil-preżent, qegħdin jappoġġjaw u jarmaw is-separatisti fir-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk.

Sadanittant, is-separatisti fl-Ukrajna għandhom josservaw waqfien mill-ġlied sa nhar il-Ġimgħa, bi tweġiba għall-ftehim unilaterali ddikjarat mill-President Poroshenko.

Madankollu – u kuntrarju għal dawn l-istqarrijiet – l-aħħar rapporti qabel morna għall-istampa qalu li r-ribelli separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant waqqgħu helicopter tal-qawwiet Ukreni u fejn x’aktarx li rriżultaw numru ta’ vittmi.