minn Charles Muscat u Herman Micallef
[headlines headline=”h3″ ]Ilmenti oħrajn: jintalbu fil-karta tal-appuntament biex jieħdu magħhom it-‘toilet paper’ għal xi operazzjoni f’Mater Dei [/headlines]Fl-aħħar jiem komplew deħlin aktar ilmenti dwar il-mediċini out-of-stock minkejja li l-Gvern fl-aħħar ġimgħat ipprova jagħti l-impressjoni li l-problema qed tissolva.
Anzjani li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fl-aħħar jiem qalu li ilhom għal dawn l-aħħar xahrejn ma jistgħux isibu l-mediċina Bulinix mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, il-POYC. Din il-mediċina tgħin lil pazjenti bi problemi fl-urina.
Dawn l-anzjani qalulna li meta qed iċemplu l-ispiżerija tagħhom, l-ispiżjara qed jissuġġerulhom li minhabba li din il-mediċina tinsab out-of-stock, jitkellmu mat-tabib tagħhom li jkun jista’ jindikalhom mediċina alternattiva. Madankollu jirriżulta li anke din il-mediċina alternattiva, il-Bumetanide, tinsab out-of-stock.
Pazjenti oħra klijenti tal-POYC li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li anke’ l-mediċina Omaprazole kontra l-ulċeri fl-istonku tinsab out-of-stock.
U għat-tieni ġimgħa konsekuttiva marru l-ispiżerija tagħhom u ngħataw biss folja waħda minn din il-mediċina, li sservihom għal sebat ijiem biss – minflok għal xahar sħiħ, kif kien jiġri qabel.
Imbagħad hemm ukoll rapporti ta’ mediċini li issa anke’ qed jiżdiedu l-prezzijiet tagħhom. Dan is-sit hu infurmat, per eżempju, li l-Warfarina, li tintuża l-aktar minn persuni anzjani biex iraqqu d-demm, għoliet f’daqqa. Persuna li marret tixtri kaxxa Warfarin tal-1mg li jkun fiha 28 pillola sabet li minn €1.70 din għoliet għal €2.05.
Waslulna wkoll diversi ilmenti minn pazjenti tal-isptar Mater Dei u qraba tagħhom, li fl-aħħar ġimgħat intalbu jixtru l-aspirina minħabba li fl-Isptar ma kellhomx. Uħud minn dawn il-pazjenti kkummentawlna li mhux talli l-mediċini mhux qed jitwasslulhom wara l-bieb kif kienu mwegħda qabel l-elezzjoni, imma talli issa l-anqas l-Isptar m’huma jaslu.
Jintalbu jieħdu magħhom it-‘toilet paper’
Ilmenti ohra li walulna u li kważi, kważi, l-anqas jitwemmnu, huma li nies li qed isirilhom appuntament biex jidħlu fl-Isptar Mater Dei għal operazzjoni, fl-istess karta tal-appuntament qed jintalbu jġibu magħhom t-toilet paper, meta jidħlu fl-Isptar.
Ilmenti anke’ dwar San Vinċenz de Paul
U mill-isptar Mater Dei għal San Vincenz de Paul, fejn ukoll il-problemi qed jibqgħu jiżdiedu. Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit spjegawlna l-qagħda inaċċettabbli li hemm bħalissa f’numru ta’ swali f’din ir-residenza.
Dan għax fl-aħħar jiem ġew rappurtati każi ta’ fffullar ta’ pazjenti fil-kmamar, b’riżultat li l-istess pazjenti qed ikunu frustrati. L-istess sorsi qalulna li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-infermieri mhux qed ikollhom wisa’ fejn jaħdmu. Il-ħaddiema qed jilmentaw dwar nuqqas ta’ kumdita’ kif ukoll dwar kundizzjonjiet ħżiena ta’ xogħol. Persuna li tkellmet ma’ dan l-istazzjon fissret kif l-istaff room issa tpoġġiet qrib il-latrini.
U sabiex jieħdu l-brejk tagħhom, il-ħaddiema saħansitra qed joħorġu mejda ‘l barra mill-istaff room ħalli jkunu jistgħu jieklu u b’hekk ma joqogħdux jissaportu r-riħa tinten li tkun ħierga mil-latrini.
//= $special ?>