Futbol Internazzjonali Sport

Barack Obama fit-tim nazzjonali Ingliż? Il-“Gaffe tat-Tazza tad-Dinja” minn kumpanija tal-‘merchandising’

Kumpanija li tipproduċi prodotti għall-merchandising għamlet dik li ħafna qed isejjħulha bħala l-“Gaffe tat-Tazza tad-Dinja 2014″. Dan hekk kif wieħed mill-mugs li l-kumpanija għamlet bl-uċuh tal-plejers fl-iskwadra nazzjonali Ingliża, minflok, għandu wiċċ il-President Amerikan Barack Obama. Naturalment, dan sar bi żball għax ir-ritratt ta’ Obama ntuża’ minflok dak tad-difensur Ingliż Chris Smalling.

Wiċċ il-President Amerikan kien immuntat f’gear nazzjonali tal-Ingilterra minn impjegat żagħżugħ tal-kumpanija li tqabbad ifittex ritratti mingħajr copyright tat-tim Ingliż. Ir-ritratt kien akkumpanjat mill-kitba “Chris Smalling – World Cup squad Brazil 2014”. Madankollu, id-disinji kollha kienu approvati mill-amministrazzjoni tal-kumpanija.

Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Wholesale Clearance, il-kumpanija li kienet responsabbli mill-bejgħ tal-prodotti, Karl Baxter qal li ċemplulhom mill-kumpanija li ddiżinjat dawn il-mugs ħalli jispjegawlhom x’ġara. Kif fetħu ftit minn dawn il-prodotti ndunaw x’ġara u bħalissa qed jaraw x’jagħmlu biex kemm jista’ jkun jinġabru lura dawk il-prodotti li laħqu marru fil-ħwienet.