L-għada li l-General Workers Union iddikjarat li għandha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-impjegati tal-Bank of Valletta, waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-fergħa tal-BOV f’Santa Venera, il-GWU sostniet li issa m’hemm xejn xi jżomm lill-Management tal-Bank milli jibda jinnegozja mal-Union.
Il-konferma li l-GWU għandha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema tal-BOV tħabbret fi stqarrija mill-Union stess wara li saret il-verifika mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali. Din il-verifika kienet ordnata mit-Tribunal Industrijali.
Min-naħa tagħha, fi stqarrija l-Union tal-Impjegati tal-Banek (MUBE) sostniet li l-pożizzjoni tagħha dejjem kienet li tiddefendi d-dritt ta’ kull ħaddiem li jissieħeb f’liema union jixtieq. Il-fatt li kienet qed tikkontesta kien li inizjalment l-għarfien trejdjunjonistiku kien ingħata fuq is-sistema taċ-check-offs u b’hekk twarrab id-dritt tal-ħaddiema għal sħubija f’union mingħajr il-ħtieġa li jiġi notifikat min iħaddem.
L-MUBE qalet li kien abbażi ta’ dan il-prinċipju li talbet li ssir verifika uffiċjali mid-Direttur tax-Xogħol, kif wara kollox il-GWU stess talbet diversi drabi f’okkażjonijiet oħrajn u f’kumpaniji oħrajn. L-MUBE fakkret li kienet ilha titlob biex ikun hemm verifika trasparenti ta’ liema union għandha l-maġġoranza tal-impjegati tal-BOV imseħbin fiha sa minn Lulju 2013 u kien minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni min-naħa tal-Management li ma kellha l-ebda għażla ħlief li tressaq il-każ quddiem it-Tribunal Industrijali.
L-MUBE fakkret ukoll li kellha tkun ordni tat-Tribunal li twassal biex issir verifika uffiċjali għax li kien għall-GWU dan l-eżerċizzju ma kienx isir. Wara din id-deċiżjoni, l-MUBE talbet lit-Tribunal għal kjarifika fin-numri, hekk kif il-figuri ppreżentati fit-Tribunal huma differenti minn dawk verifikati mis-sistema interna tal-Bank.
Min-naħa tiegħu, fil-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb sostna li wasal iż-żmien li jsir tibdil radikali fil-mod kif jingħata għarfien trejdunionistiku lil union li jkollha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema. Madankollu, Zarb qal li l-proposti dwar kif jista’ jsir it-tibdil iħabbarhom wara li l-GWU titkellem mal-imsieħba soċjali l-oħrajn.
Barra minhekk, il-GWU akkużat ukoll lill-MUBE li bl-ostakli fil-BOV dwar ir-rikonoxximent trejdjunjonistiku, tefgħet in-negozjati għal Ftehim Kollettiv ġdid ħames xhur lura wara li dak eżistenti skada f’Jannar.
//= $special ?>