Formula 1 Sport

Dokumenti mediċi ta’ Schumacher jitpoġġew għall-bejgħ

Dokumenti mediċi relatati mal-leġġenda tal-Formula 1 Michael Schumacher qed jiġu offruti għall-bejgħ. Dan wissieh il-Management tiegħu. Il-Manager Sabine Kehm qalet li għadu mhux konfermat jekk id-dokumenti humiex oriġinali, iżda qalet li “jidher ċar li kienu misruqa”.

Għalhekk, wissiet li se jittieħdu passi kriminali jekk dawk “id-dokumenti kunfidenzjali” jkunu ppubblikati. Schumacher, li għandu 45 sena, kien tpoġġa f’koma wara inċident meta kien qed jiskija f’Diċembru. Madankollu, hu ħareġ mill-Isptar ftit tal-jiem ilu.

Għadu mhux ċar x’jista’ jkun fihom dawn id-dokumenti mediċi jew għalxiex jirrelataw. Madankollu, fi stqarrija Kehm qalet li “għal diversi jiem, dokumenti misruqa u informazzjoni qed ikunu offruti għall-bejgħ. Min qed ibigħhom qed isostni li huma dokumenti mediċi ta’ Michael Schumacher”.

Kehm kompliet li “ma nistgħux ngħidu jekk humiex awtentiċi jew le, iżda żgur li huma misruqa għax kien rappurtat is-serq tagħhom. Il-kontenut ta’ kwalunkwe dokument mediku hu assolutament privat u kunfidenzjali u ma jistax ikun disponibbli għall-pubbliku. Għalhekk, se nkunu qed nieħdu passi legali kontra min jippubblikahom jew jagħmel referenza medika għalihom”.

Schumacher kien tħabbar li telaq mill-Isptar fi Grenoble fis-16 ta’ Ġunju li għadda u ma kienx għadu aktar f’koma. Hu ġie trasferit fl-Isptar tal-Università ta’ Lausanne fl-Iżvizzera.