Editorjal

Editorjal: L-istituzzjonijiet li jiddefenduna imminati mill-Gvern

Għaliex għandna nobdu ‘l-Istat? Din hi mistoqsija li staqsewha ħafna filosfi u li hawn korsijiet sħaħ tal-filosofija jispjegaw it-tweġibiet li taw għaliha. Wieħed minnhom kien Jean-Jacques Rousseau fi Żmien id-Dawl: għax għandna bħal kuntratt mal-Istat li l-Istat jipproteġi d-drittijiet tagħna u, sakemm l-Istat stess ma jiksirhomx, nobduh.

L-Istat: istituzzjonijiet diversi biex ma jkunx hemm konċentrazzjoni ta’ poter
Tul sekli sħaħ, il-politika t-tajba dejjem ħolqot istituzzjonijiet ġodda proprju biex l-Istat iżomm il-parti tiegħu ta’ dan il-kuntratt. Fil-fatt, l-Istat hu sett ta’ istituzzjonijiet diversi u mhux istituzzjoni waħda biex ħadd ma jkollu wisq poter f’idejh.

“Il-poter assolut jikkorrompi b’mod assolut”
Kif qal Lord Acton, is-setgħa aktarx tnawwar lil dak li tkun f’idejh, u l-poter assolut jikkorrompi b’mod assolut. Mela hemm il-gvernijiet u hemm il-parlamenti u hemm il-qrati u hemm ħafna istituzzjonijiet oħrajn tal-Istat proprju biex irażżnu, jikkontrollaw lil xulxin ħalli l-ebda waħda minnhom ma tabbuża mid-drittijiet u l-interessi tagħna.

Gvern Nazzjonalista waqqaf l-Uffiċċju tal-Ombudsman
F’Malta, gvernijiet Nazzjonalisti żammew ma’ din l-idea. U 19-il sena ilu, Gvern Nazzjonalista ħoloq l-Uffiċċju tal-Ombudsman, istituzzjoni indipendenti mill-Gvern – tant li l-Ombudsman jinħatar bil-qbil tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni u ma jistax jitneħħa mingħajr il-qbil tat-tnejn – biex jinvestiga każi ta’ amministrazzjoni ħażina.

Mudell progressiv Nordiku tal-ġlieda kontra amministrazzjoni ħażina
Dak li għamel Gvern Nazzjonalista hu fuq il-mudell tal-aktar pajjiżi progressivi tan-nord tal-Ewropa. Għax minn hemm ġiet l-idea li jista’ jkun hemm abbużi li jsiru mill-Gvern li ma jkun hemm l-ebda liġi żżommu minnhom u allura qorti ma jkollhiex liġi fuqiex taqta’. Imma jekk dawn l-abbużi jkunu jfissru aministrazzjoni ħażina, allura l-Gvern għandu xorta jerfa’ r-responsabbiltà u jirranġa dik l-amministrazzjoni ħażina.

Gvern Laburista rigressiv
Dal-Gvern li għandna llum qed juri dejjem aktar ruħu rigressiv. L-Ombudsman qed jinvestiga saritx amministrazzjoni ħażina fi promozzjonijiet – ruxxmata – li ngħataw fl-Armata b’riħa tinten ta’ bażużliżmu. Armata tinten sewwasew minn rasha, mill-Kap Kmandant innifsu, Jeffrey Curmi, b’erba’ promozzjonijiet f’erba’ ġimgħat.

Armata tinten minn rasha, mill-Kap Kmandant Jeffrey Curmi nnifsu
Imma l-Gvern, flok jagħti l-informazzjoni li qed jitlob l-Ombudsman, qed ifixklu. U l-Ombudsman kellu saħansitra jmur il-Qorti jitlob li l-Gvern ma jkomplix ifixklu.

Gvern Laburista jimmina l-istituzzjoni li suppost tiddefendina mill-abbuż
Kriżi istituzzjonali bil-Gvern Laburista jagħmel lill-Armata – li mhix dipartiment kwalunkwe imma għandha f’idejha l-użu tal-forza – każin tal-qalba, u wkoll jimmina lill-istituzzjoni indipendenti li qiegħda hemm proprju biex tara li ma jkunx hemm l-amministrazzjoni ħażina li l-Gvern, bil-ħabi tiegħu stess, qed jammetti li wettaq.