Lokali Parlament

Filmat: L-Oppożizzjoni b’Mozzjoni għal Dibattitu wara t-tilwima bejn l-Ombudsman u l-Ministru Manwel Mallia

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet Mozzjoni biex isir Dibattitu fil-Parlament dwar il-kriżi kostituzzjonali li żviluppat wara t-tilwima bejn l-Ombudsman u l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia. Il-Mozzjoni kienet ippreżentata lill-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, akkumpanjati mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.

Din il-Mozzjoni tressqet wara li fis-seduta Parlamentari tal-bieraħ, l-iSpeaker ċaħad talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex il-Parlament jiddiskuti b’urġenza l-każ tal-Ombudsman, li qed ikun imċaħħad minn informazzjoni li suppost għandha tingħatalu mill-Gvern ħalli jkun jista’ jinvestiga lmenti dwar inġustizzji fl-Armata. Dan wassal għal xi ħaġa bla preċedent bl-Ombudsman jiftaħ proċeduri legali kontra l-Gvern.

Fir-Ruling tiegħu, l-iSpeaker Anġlu Farrugia qal li din it-talba min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni, għalkemm hi importanti, mhijiex ta’ materja urġenti. Hu ħeġġeġ lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jilħqu ftehim ħalli jsir dibattitu Parlamentari dwar is-suġġett. Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni ressqet din il-Mozzjoni. F’kummenti lill-ġurnalisti wara li ressaqha, il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco spjega kif jekk il-Ministru tal-Intern Manwel Mallia m’għandux x’jaħbi, allura jista’ faċilment jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa lill-Ombudsman ħalli jinvestiga l-ilmenti li saru minn Uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li jħossu li nqabżu fil-promozzjonijiet.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Jason Azzopardi saħaq li bl-aġir tiegħu l-Gvern, permezz tal-Ministru Mallia, qed jimmina istituzzjoni kostituzzjonali ta’ pajjiżna li ma jridx joqgħodx għall-iskrutinju tagħha. Jason Azzopardi għamel referenza wkoll għal dak li qal l-Imħallef Giovanni Bonello dwar sitwazzjoni ta’ kriżi kostituzzjonali li l-Gvern daħħal lill-pajjiż fiha. Iż-żewġ kelliema saħqu li l-Gvern għandu jkun demokratiku u Ewropew bil-fatti u mhux bil-kliem biss.