Ħames artisti internazzjonali huma konfermati li se jieħdu sehem fid-disa’ edizzjoni tal-kunċert Isle of MTV Fuq il-Fosos tal-Furjana l-Erbgha filgħaxija.
Il-Viċi President ta’ MTV għall-Mużika, it-Talent u l-Avvenimenti Bruce Gillmer qal li l-artisti Enrique Iglesias, Hardwell, Kiesza, Dizzee Rascal u Nicole Scherzinger se jkunu qed jagħtu spettaklu ta’ mużika mill-aqwa, li għandu jinżel għasel mal-Maltin u mat-turisti li jinsabu fuq btala f’Malta.
Bruce Gillmer qal li wara l-avveniment ta’ l-Erbgħa, il-kunċert Isle of MTV f’Malta se jixxandar madwar id-dinja fl-1 ta’ Awwissu.
Għall-kantant Spanjol Enrique Iglesias, din mhix l-ewwel darba li se jkun qed ikanta fi gżiritna. Dan ghax fl-2008 kien seraq ix-xena b’numru ta’ suċċessi popolari.
Il-grupp Malti, Funk Initiative se jiftaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena wara li rebah il-kompetizzjoni Isle of MTV Battle of the Bands.
Il-Ministru għat-Turizmu Edward Zammit Lewis qal li dan l-avveniment ikompli ipoġġi lil Malta fuq il-mappa mużikali, speċjalment fl-Ewropa. Hu saħaq dwar kemm hu importanti għall-Gvern li jsaħħaħ il-kwalita’ tal-kunċert għax jgħin biex jirreklama lil Malta bħala destinazzjoni turistika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu Josef Formosa Gauci qal li t-trasport pubbliku se jibqa’ jaħdem sas-1.30 a.m. jew sas-2 p.m. jekk ikun neċessarju. Hu qal li persuni b’diżabbilta’ jistgħu jikkuntattjaw lill-MTA qabel il-kunċert sabiex ikollhom aċċess f’żona speċjali.
Fl-aħħar jiem, speċjalment fuq il-midja soċjali, saru ħafna ilmenti li din is-sena, il-‘line-up’ tal-artisti għal dan il-kunċert ħarġet aktar tard mis-soltu, propju b’xi artisti jkunu kkonfermati għall-kunċert ftit ġimgħat biss qabel il-kunċert.
//= $special ?>