Il-ġurnalizmu indipendenti hu garanzija tal-libertà tal-espressjoni u Gvern m’għandu qatt jindaħal fix-xogħol ta’ ġurnalist. Dan kien l-appell tal-Prof Joe Friggieri waqt li kien qed jindirizza Round-Table Breakfast Forum organizzat mill-Akkademja għall-Iżvilupp ta’ Ambjent Demokratiku (AŻAD). Matul l-attività kienet esplorata l-mistoqsija “Il-Ġurnaliżmu Indipendenti: Utopja jew Fundamentali għad-Demokrazija?”. Kelliem ieħor kien il-ġurnalist u opinjonista Raphael Vassallo. Fil-Forum ħadu sehem ukoll diversi ġurnalisti, edituri u opinjonisti magħrufa f’pajjiżna.
Prof Friggieri spjega li ftit hawn organizzazzjonijiet tal-media li finanzjarjament ma jiddependu minn ħadd għax l-ebda stazzjon televiżiv, radju, gazzetta jew newsportal ma jista’ jkampa waħdu bla ma jingħata għajnuna minn xi ħadd. Dawn kollha għandhom persuni jew entitajiet li jipprovdulhom il-finanzjament. Għalhekk, l-interess ta’ min qed jiffinanzja lil dawn il-mezzi tal-media hu dejjem hemm u l-ebda imprenditur ma jista’ jibqa’ jiffinanzja jekk ikun hemm telf kontinwu.
Għaldaqstant, hu mportanti ħafna r-reklamar għax aktar ma jkun tajjeb il-prodott aktar ikun hemm reklamar. Hu għalhekk li stazzjonijiet televiżivi, tar-radju, gazzetti u newsportals iffinanzjati minn partiti politiċi, unions jew mill-Knisja kultant jagħmlu programmi fejn minn barra jkun jidher li hemm bilanċ.
Min-naħa tiegħu, fl-introduzzjoni tal-Forum, il-President tal-AŻAD David Griscti tkellem dwar il-Programm il-ġdid ta’ Ħidma tal-AŻAD, li se jibda minn Ottubru li ġej. Hu qal li r-rwol tal-AŻAD hu li jkun think thank li jagħti importanza lir-riċerka biex ikunu żviluppati policies. Għalhekk, l-AŻAD se jkun pro-attiv u se jservi bħala post ta’ riċerka, dibattiti, edukazzjoni u żvilupp ta’ policies.
David Griscti qal li l-AŻAD se jaħdem favur governanza tajba, integrazzjoni bejn l-ambjent u n-negozju, fuq l-arti u l-isport, il-bilanċ bejn il-ħin liberu u x-xogħol. L-AŻAD se jipprovdi wkoll spazju għal esebizzjonijiet u anke għal xogħol teatrali. Il-ħidma tal-AŻAD se tinkludi wkoll programmi fuq it-televiżjoni u r-radju, kif ukoll sehem akbar fis-social media.
//= $special ?>