Lokali Qorti

Il-każ ta’ dak li kellu “Tyson Butcher” mixli bl-attentat ta’ qtil tal-“Koħħu”

[headlines headline=”h3″ ] Il-Qorti tordna li l-vittma jixhed għada fid-Depot minkejja li ppreżenta ċertifikat [/headlines]

Vince Muscat ta’ 52 sena mill-Pieta’ magħruf bħala l-‘Koħħu’ li kellu jixhed it-Tlieta f’nofsinhar quddiem il-Maġistrat Carol Peralta, ma xehedx wara li l-Avukat tiegħu Kathleen Grima qalet lill-Qorti li mhux f’pożizzjoni li jixhed u pproduċiet ċertifikat ta’ speċjalista tal-għajnejn. Il-Qorti ordnat xorta waħda li Muscat jixhed l-Erbgħa, 25 ta’ Ġunju wara nofsinhar.

Pace, li kien jiġġestixxi l-ħanut “Tyson Butcher” fiż-Żejtun u li llum m’għadux jopera, qed jiġi mixli li spara sitt tiri b’pistola ta’ kalibru żgħir u li laqat lill-“Koħħu” bi tlieta minnhom.
Huwa qed jiġi mixli li wettaq dan ir-reat fit-8 ta’ April li għadda għall-ħabta tal-11.30 p.m.  ġewwa l-Imsida fejn dolożament bil-ħsieb li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja ta’ Vincent Muscat f’periklku ċar, spara tiri ta’ arma tan-nar lejn l-istess Muscat, liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volonta’ tiegħu.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li fl-istess jum mill-istess tiri sparati, kkaġuna feriti gravi u debulizza permanenti fis-saħħa jew il-funzjoni ta’ xi parti tal-ġisem ta’ Muscat, kien ġie ċċertifikat mit-tobba tal-isptar Mater Dei.

Il-Qorti qalet li l-vittma jrid jixhed l-Erbgħa 25 ta’ Ġunju fit-3.00 p.m. fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija wara li diġa kien xehed hemmhekk fl-inkjesta f’Mejju li għadda, minkejja l-preżentazzjoni taċ-ċertifikat. Huwa qal li ma jistax itawwal iż-żmien tal-każ peress li fin-nofs hemm persuna li għadha miżmuma taħt arrest preventiv.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni Muscat kellu jixhed fil-każ ta’ Jonathan Pace ta’ 31 sena, residenti l-Gudja, li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ l-istess Vince Muscat. L-Avukat Grima li flimkien mal-avukat Arthur Azzopardi qed tidher bħala parti ċivili għal Muscat qalet li kienet qed tippreżenta ċertifikat tal-Professur Janula, li jgħid li għadu mhux f’qagħda li jixhed.

L-Avukat Grima qalet li quddiem Qorti oħra l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qabdet espert minħabba din il-problema. L-Avukat Giannella Demarco, li qed tidher għall-akkużat qalet li hi ma kienitx qed timpressjona ruħa biċ-ċertifikat li ġie ppreżentat.

Dan għaliex fl-24 ta’ April li għadda wara li kien rilaxxat mill-isptar, ftit tal-jiem wara, fil-5 ta’ Mejju li għadda, huwa mar jixhed id-Depot fl-inkjesta fuq l-istess każ.

L-Avukat Demarco qalet li Muscat għandu każ ta’ “hold-up” quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, u dik il-Qorti ħasset li kellha tinnomina espert għaliex dan ix-xhud qatt ma jkun preżenti għall-kawża tiegħu fejn huwa mixli wkoll b’serq aggravat.

L-Avukat Demarco qalet li l-Maġistrat ma kellhiex għażla li tappunta espert. Hija talbet lill-Qorti biex tordna li jekk fil-5 ta’ Mejju Muscat kien tajjeb biex jixhed allura faċilment jista’ jiġi l-Qorti llum. Hija qalet ukoll li l-liġi tagħti li wieħed jista’ jmur id-dar tiegħu biex jagħtiu x-xhieda u għalhekk ma jinħeliex żmien.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Carol Peralta qalet li  trid tara li l-kawża timxi, u nnominat lil Dr. Maria Carlson sabiex tmur fil-post tar-residenza ta’ Vincent Muscat flimkien mar-rappreżentatni legali tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud, u l-avukati tal-akkużat.

Aktar tard l-Ispettur Keith Arnaud qal li fid-Depot meta kien xehed f’Mejju Muscat dan kien twassal sal-post fejn ta x-xhieda tiegħu bil-karozza u allura jista’ jerġa’ jsir l-istess. Il-Qorti qablet u qalet li x-xhieda ta’ Muscat għandha tittieħed fid-Depot fil-15 ta’ Lulju li ġej.

L-Avukat Joseph Giglio li wkoll qed jidher għal Jonathan Pace qal li jekk ix-xhieda ta’ Muscat se tittieħed f’nofs Lulju, Pace se jdum arrestat sa Lulju żgur għax dak inhar tista’ ssir it-talba għal liberta’ proviżorja. Kien hawn li l-Maġistrat Carol Peralta qal li x-xhieda ta’ Muscat għandha tittieħed l-Erbgħa, 25 ta’ Ġunju fit-3.00 p.m.

Hawn l-Avukat ta’ Muscat Kathleen Grima deheret li ma kienitx qed taqbel, bil-Qorti tgħid li ma tistax tħalli persuna preżuntta innoċenti arrestata għal dak iż-żmien kollu u għalhekk ix-xhieda ta’ Muscat trid issir mill-aktar fis possibbli.

Pace kien ilu jiġi nterrogat mill-Pulizija dwar dan il-każ għal ġimgħat sħaħ wara li Muscat qal lill-Pulizija li huwa għaraf lil Pace bħala l-persuna li spara fuqu. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Anzjan Chris Pullicino u l-Ispettur Keith Arnaud . Il-“Koħħu” għamel żmien jinsab fil-periklu tal-mewt u llum għamel titjieb sostanzjali fil-qagħda tiegħu medika anke jekk għadu għaddej taħt il-kura d-dar.

Il-Koħħu’ jinsab bil-libertá provizorja dwar l-attentat ta’ ‘hold-up’ li kien imlaqqam “Hold-up milljunarju” fl-ahhar ta’ Gunju 2010 miċ-Ċentru Rużar Briffa, li huwa l-Kwartieri Ewlenin tal-bank HSBC f’Ħal Qormi.

Dakinhar kienu gew sparati madwar 30 tir fid-direzzjoni tal-Pulizija tal-Mobile, allegatament mill-istess Muscat u kompliċi iehor. L-attentat fuq il-hajja ta’ Muscat seħħmeta huwa kien fil-karozza tiegħu fi Triq Bordin qrib ir-residenza tiegħu.

Milqut bi tliet tiri, ‘il-Koħħu’ baqa’ fil-karozza u saq lejn l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida. Kif daħal fl-Għassa b’wiċċu mimli dmijja, ħasad lill-Pulizija li kienu xogħol. Huwa mill-ewwel informa lis-Surġent li xi ħadd kien sparalu.

L-istess Pulizija taw l-ewwel għajnuna medika lil Muscat sakemm fuq il-post waslet ambulanza b’infermiera li ħadu lil Muscat l-Isptar Mater Dei. Wara li kompla jingħata l-kura meħtiega huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Irriżulta li huwa kien intlaqat minn tir f’rasu liema balla niżlet f’għonqu filwaqt li balla oħra laqtitu bi żbrixx u oħra laqtitu wara li kienet laqtet parti mill-karozza.  Wara li għaddew ftit tal-jiem u ġimgħat il-qagħda ta’ Muscat marret għall-aħjar u kien ġie liċenzjat mill-isptar.

Jonathan Pacew ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor b’arma tan-nar fosthom fuq il-karozza ta’ Muscat tal-għamla Mitsubishi, li kellu fuq ikl-persuna tiegħu arma tan-nar, u li kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li ġarr arma u munizzjon irregolari, li spara arma f’post abitat, li dawwar għalih bi profit karozza tat-tip Peugeot 206 Skyline, li hedded lill-Ispettur Keith Arnaud waqt l-interogazzjoni u li sar reċidiv. Il-każ se jkompli fl-1 ta’ Lulju li ġej meta se tinqara x-xhieda li Vincent Muscat, li jkun ta fid-Depot tal-Pulizija.