Futbol Għawdex Lokali Sport

Il-Ministru għal Għawdex kien jaf bil-każ kriminali tal-President tal-GFA qabel ma ħatru fuq Kap Eżekuttiv ta’ Bord

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kien jaf bil-każ kriminali li kellu l-President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol (GFA) Elvin Grech (ritratt) meta l-istess Grech inħatar Kap Eżekuttiv tal-Bord għall-Isport f’Għawdex. Tant hu hekk, li skont il-ġurnal The Times of Malta, jirriżulta li Elvin Grech kien talab il-parir ta’ Anton Refalo, bħala Avukat, qabel ma ġie nterrogat mill-Pulizija.

F’Marzu 2013, Elvin Grech kien instab ħati mill-Qorti li għamel użu minn dokument falz meta kien is-Segretarju Ġenerali tal-GFA. Grech appella, iżda s-sentenza sospiża ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell f’April 2014. Kien wara l-elezzjoni ġenerali, jiġifieri wara li Grech instab ħati u ngħata s-sentenza, li twaqqaf il-Bord għall-Isport f’Għawdex u Grech inħatar Kap Eżekuttiv. Iżda ma’ The Times, Anton Refalo ma weġibx jekk kienx jaf bil-każ kriminali qabel ma Grech ingħata l-kariga.

Kif ġie zvelat minn The Times, fis-sentenza tal-Qorti tas-sena li għaddiet, hemm miktub iswed fuq l-abjad li Elvin Grech u mpjegat ieħor tal-GFA kienu marru għand Anton Refalo biex jagħtihom parir legali. Dan ifisser li Anton Refalo kien, mhux biss jaf bil-każ, iżda saħansitra jaf id-dettalji kollha tal-każ. Dan l-impjegat kien xehed li Refalo kien qal lilu u lil Grech x’għandhom jgħidu lill-Pulizija u biex, fost l-oħrajn, jagħtu verżjoni differenti ta’ dak li ġara. Aktar tard, iżda, dan l-impjegat kien biddel il-verżjoni u qal li Anton Refalo ma kien qalilhom xejn.

The Times qalet li Grech kien irrakomandat għall-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Bord għall-Isport f’Għawdex mill-Ministeru ta’ Anton Refalo u qed jingħata paga ta’ €40,000 fis-sena. Refalo ma weġibx il-mistoqsija jekk kienx hu li għażel lil Grech għal din il-kariga. Fl-istess waqt, The Times għamlet ukoll kuntatt ma’ membru ieħor fl-istess Bord, li kkonferma li hu ngħata l-kariga mill-Ministeru għal Għawdex. Minbarra lil Grech, dan il-Bord jinkludi wkoll lil George Cini, li jaħdem fis-Segretarjat Privat ta’ Anton Refalo.