Il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp mhuwiex sostitut adegwat tal-Pjan ta’ Struttura tal-1990. Ma fihx pjan ċar ta’ azzjoni b’policies ċari, ma jissettja l-ebda deadlines u ma teżisti l-ebda indikazzjoni ta’ min se jkun responsabbli milli jimplimentah. Barra minhekk, minkejja li ġie mtawwal il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan id-Dokument, lanqas ma sar l-ebda tentattiv serju biex il-pubbliku jkun motivat ħalli jipparteċipa fil-proċess.
Hekk sostniet fi stqarrija l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja, li ħarġet bħala reazzjoni għall-Policy ġdida li ħareġ il-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika dwr l-Ambjent u l-Iżvilupp. Il-Knisja kkritikat ukoll il-fatt li apparti li jkopri perjodu iqsar milli kien ikopri l-Pjan ta’ Struttura, li meta ħareġ kien mifrux fuq 20 sena u f’dan il-każ il-Pjan propost hu sal-2020, dan il-Pjan ġdid tal-Gvern ma jipprovdix informazzjoni uffiċjali dokumentata li tiġġustifika l-policies u l-proposti tiegħu.
Dwar l-użu tal-art, il-Kummissjoni Ambjentali tal-Knisja qalet li ma tarax raġuni valida li tiġġustifika t-tibdil fil-fruntieri taż-żoni tal-iżvilupp propost fil-pjan, meta n-numru ta’ djar u appartamenti hu ferm akbar mit-talba. Barra minhekk, il-Knisja qalet li ma tistax tifhem għaliex il-pjan ma jipproponix policies stretti u tanġibbli biex ikun kontrollat il-mod mhux sostenibbli li biha qed tiġi żviluppata l-art f’pajjiżna.
Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent laqgħet l-isforzi biex tiġi indirizzata d-dimensjoni soċjali fejn jidħol l-iżvilupp. Tenniet li t-tmexxija tar-riżorsi ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli għandhom jitpoġġew f’idejn l-MCESD. Min-naħa l-oħra, il-Knisja esprimiet riservi qawwija wkoll dwar il-provvediment li hemm f’dan il-pjan, li jippermetti lill-Gvern jaqbeż policies stabbiliti.
Filwaqt li faħħret il-mod kif il-pjan jelenka r-rabta bejn is-Saħħa u l-Ambjent f’oqsma marbuta mal-iżvilupp, il-Knisja nnutat b’dieqa li d-Dokument ma jirreferi mkien għall-perikli li toħloq l-industrija tal-logħob tan-nar. Il-pjan jgħid li hemm bżonn urġenti li jsiru studji speċifiċi dwar dan, tgħid il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja, meta r-riċerka hi diġà miġbura.
Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja appellat lill-Gvern biex jitgħallem mill-esperjenzi tal-imgħoddi u juża’ l-Pjan Strateġiku u kull reviżjoni tal-Liġi dwar l-Ippjanar ħalli jneħħi regolamenti ambigwi u policies li ppermettew lil individwi u organizzazzjonijiet japprofittaw ruħhom minn dawn in-nuqqasijiet fil-Liġi. Appellat ukoll biex f’gieh it-trasparenza, ikunu ppubblikati l-ismijiet ta’ dawk li fasslu d-Dokument għall-Gvern.
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni temmet billi qalet li kollox ma’ kollox dan il-Pjan Strateġiku kif propost ma jippreżenta l-ebda garanzija vera lejn żvilupp sostenibbli f’Malta.
//= $special ?>