L-EĠITTU:- Il-President tal-Eġittu, Abdul Fattah al-Sisi, qal li ‘m’għandux jindaħal’ mal-ġudikatura rigward is-sentenzi tal-ħabs li weħlu l-ġurnalisti mal-istazzjon televiżiv al-Jazeera u li qed iqanqlu rabja kbira fost il-komunita internazzjonali.
Qorti fil-Kajr ikkundannat it-tliet ġurnalisti – Peter Greste, ċittadin tal-Awstralja, Mohamed Famy (Eġizzjan-Kanadiż) u Baher Mohamed (Eġizzjan) – talli xerrdu l-aħbarijiet ‘foloz’ bil-President al-Sisi jinsisti li ‘digrieti bħal dawn iridu jkunu rrispettati u mhux ikkritikati, minkejja li wħud jistgħu ma jifhmux is-sitwazzjoni’.
Il-ġurnalisti inkwistjoni qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom u mistennija jappellaw mis-sentenza. Dan meta l-Gvern Awstraljan għandu ‘jaħdem mal-Gvern Eġizzjan’ biex iwassal għall-ħelsien ta’ Peter Greste mill-aktar fis.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstralja, Julie Bishop, qalet li filwaqt li pajjiżha jappoġġja l-proċess lejn id-demokrazija fl-Eġittu, hi għamlitha ċara li l-proċess għandu jinkludi l-garanziji għall-istampa u l-espressjoni ħielsa. Madankollu, Bishop eskludiet għas-sanzjonijiet fuq l-Eġittu ‘u li ma jgħinux fiċ-ċirkostanzi’.
It-tliet ġurnalisti qed jiċħdu li jappoġġjaw il-Fratellanza Musulmana fl-Eġittu, bis-sentenzi tagħhom ikunu kkundannati mill-gruppi tal-istampa u l-politiċi madwar id-dinja.
//= $special ?>

