GRUPP D
COSTA RICA……………0
INGILTERRA…………..0
Costa Rica> Navas, Gamboa, Gonzalez, Duarte, Miller, Diaz, Ruiz, Borges (Barrantes 79′), Tejeda, Brenes (Bolanos 59′), Campbell (Urena 65′)
Ingilterra> Foster, Jones, Smalling, Cahill, Shaw, Lampard, Wilshere (Gerrard 73′),Milner (Rooney 76′), Barkley, Lallana (Sterling 62′), Sturridge
Imwissija> Barkley, Lallana (I), Gonzalez (C)
Referee> Djamel Haimoudi (AL:)
Il-Costa Rica u l-Ingilterra temmew fi draw ta’ mingħajr gowls biex b’hekk il-Costa Rica spiċċaw fl-ewwel post ta’ Grupp D filwaqt li għall-Ingliżi dan kien l-ewwel u l-uniku punt li ħadu f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Qabel il-logħba l-Costa Rica diġa’ kienu jafu li ikkwalifikaw għall-fażi li jmiss filwaqt li l-Ingliżi kienu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi.
Il-kowċ Ingliż Roy Hodgson għamel disa’ tibdiliet fil-formazzjoni u ta ċans lil dawk li ma kienux għadhom lagħbu. Il-captain tat-tim kien Frank Lampard minflok Steven Gerrard filwaqt li quddiem beda Lallana minflok Rooney. L-akbar ċans għall-Costa Rica wasal fl-ewwel taqsima meta Celso Borges ra l-free kick tiegħu ikun salvat minn Forster qabel ma l-ballun ħabat mal-mimduda. Wara biss żewġ minuti l-attakkant tal-Costa Rrica Joel Campbell kellu xutt li kien devjat filwaqt li fit-12-il minuta waslet l-ewwel reazzjoni tal-Ingliżi meta Sturridge ra x-xutt tiegħu jmur ftit barra. L-istess Sturridge ipprotesta għall-penalty fis-27 minuta meta twaqqa` minn Oscar Duarte imma r-referee Djamel Haimoudi ma saffar xejn.
L-akbar ċans tal-Ingliżi wasal fis-65 minuta meta għal darba oħra reġa’ kien Sturridge li falla ċans wara li irċieva mingħand Wilshere. L-aħħar ċans għall-Costa Rica wasal meta Christian Bolanos kellu xutt tajjeb salvat mill-gowlkiper Foster.
Wara din l-azzjoni ż-żewġ timijiet naqqsu fir-ritmu u dehru li t-tnejn li huma kienu kuntenti bid-draw.
Intant, dan ir-riżultat fisser li partitarju Ingliż ma rebaħx is-somma ta’ tliet elef lira sterlina. Qabel ma bdiet it-Tazza tad-Dinja, Scott Jardine kien lagħab ħames sterlini fuq imħatra li l-Costa Rica jirbħu t-tliet partiti tagħhom fi Grupp D.


