Ambjent Lokali

Malta mimlija kultura u arkitettura – id-Deputat Editur ta’ “The Scottish Sun”

Artiklu miktub mid-Deputat Editur tal-gazzetta “The Scottish Sun” Heather Lowrie u ppubblikat is-Sibt li għadda kellu kliem ta’ tifħir għal Malta, għall-kultura Maltija u għall-ospitalità tal-Maltin. Lowrie hi wkoll editur ta’ artikli relatati ma’ vjaġġar. S’issa, l-artiklu “Malta has culture and architecture in lorry loads” inqara minn aktar minn 650,000 persuna.

“The Scottish Sun”, li tiġi ppublikata fi Glasgow fl-Iskozja, hi l-aktar tabloid popolari u hu stmat li ta’ kuljum jaqrawha aktar minn 500,000 persuna. Il-gazzetta tiġi ppubblikata mill-kumpanija News UK, li hi sussidjarja tal-famuża News Corporation ta’ Rupert Murdoch.

Fl-artiklu ta’ Lowrie, issir referenza wkoll għal-lukanda Phoenicia, li tinsab erba’ passi ‘l bogħod mill-Belt kapitali u li għaliha l-awtriċi kellha kliem ta’ tifħir wara li qattgħet il-btala tagħha alloġġjata f’din il-lukanda ewlenija ta’ ħames stilel f’pajjiżna. Issemmi wkoll kif mal-wasla tagħha f’Malta, b’kumbinazzjoni nzertat il-Festival tal-Logħob tan-Nar, li ddeskrivietu bħala spettakolari.

Fuq kollox, Heather Lowrie ddeskriviet lil pajjiżna bħala gżira mimlija storja u kultura, b’poplu li hu mdorri jilqa’ lit-turisti, hu dħuli u jagħmel minn kollox biex it-turist iħossu komdu matul il-vaganza tiegħu. Minbarra referenza għall-belt kapitali, fl-artiklu ssir referenza wkoll għall-Imdina, għal Għawdex u anke għall-għelieqi tad-dwieli u l-kumpless tal-produzzjoni tal-inbid tal-Marsovin, li l-awtrici tal-artiklu tikkummenta li wieħed ma jistax ma jżurux meta jkun Malta għall-esperjenza li joffri lil dawk li jħobbu l-inbid.

Lowrie ttemm l-artiklu, mimli promozzjoni mill-aqwa għal pajjizna fil-bidu tal-istaġun tas-sajf, billi mill-ġdid ssemmi l-Festival tal-Logħob tan-Nar u tikkummenta li l-murtali fl-aħħar lejl tagħha f’Malta servew biex ifakkruha fis-sbuħija tal-gżejjer Maltin. Temmet tgħid li se tibqa’ tiftakar il-gżejjer Maltin bħala gżejjer li se jisplodu bl-istorja, bil-kultura u b’poplu li jaf jilqa’ lit-turist.