Lokali Unjoni Ewropea

Malta tgħallmet ħafna dwar kif għandha tuża’ d-djalogu soċjali

Id-djalogu soċjali hu element mill-aktar importanti, mhux biss għall-Unjoni Ewropea iżda wkoll għal Malta bħala membru tal-UE. Matul l-10 snin tas-sħubija fl-UE, Malta tgħallmet ħafna dwar kif għandha tuża’ d-djalogu soċjali u prova ta’ dan hu l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), fejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern jiddiskutu oqsma ta’ importanza għall-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt żjara li saritlu mill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-UE (EESC) Henri Malosse (ritratt), li bħalissa qed jagħmel żjara ta’ tlett ijiem f’Malta. Hu ltaqa’ wkoll mal-President ta’ Malta u mal-Prim Ministru, kif ukoll indirizza l-MCESD. Simon Busuttil qal li d-djalogu soċjali ħadem fuq livell Ewropew u dan jista’ jaħdem ukoll f’Malta jekk ikun hemm koperazzjoni.

Għal-laqgħa attendew ukoll Stefano Mallia, Grace Attard u Vince Farrugia, rappreżentanti Maltin fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Preżenti wkoll kien hemm il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg.

Henri Malosse qal li hu qed iżur il-pajjżi kollha tal-UE u jiltaqa’ mal-mexxejja tal-pajjiż u anke mal-Oppożizzjoni. Qal li kien unur għalih li jżur il-kwartieri tal-PN għax dan il-Partit ta kontribut kbir lil Malta, fosthom bil-kisba tal-Indipendenza. Malosse qal li hu ħadem ukoll fil-Partit Popolari Ewropew u ħa inizjattivi favur in-negozji żgħar u medji. Sostna li l-koeżjoni soċjali hi wieħed mill-valuri tal-UE.

Aktar kmieni matul il-jum, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Dar l-Ewropa fil-Belt, il-President tal-EESC qal li hemm bżonn li l-UE tibdel il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni. Qal li hemm bżonn li jidħol il-kunċett tal-qsim tal-piż bejn l-istati membri kollha tal-UE u hemm bżonn ukoll aktar solidarjetà.

Malosse appella biex fil-pajjizi tal-Afrika ta’ Fuq ikun hemm ċentri fejn l-immigranti jkunu jistgħu japplikaw għall-ażil u l-proċess isir f’dawk iċ-ċentri. Appella wkoll biex l-UE tagħti aktar għajnuna lill-missjoni umanitarja “Mare Nostrum”, li titmexxa mill-Italja, biex ikunu evitati traġedji ta’ immigranti fuq il-baħar.

Henri Malosse qal li fl-UE tinħtieġ politika komuni biex tgħin ħalli fil-pajjiżi tal-Afrika minn fejn joriġinaw l-immigranti jkun hemm żvilupp ekonomiku u aktar stabbiltà politika. Qal li stati membri żgħar bħal Malta għandhom jingħataw aktar għajnuna minħabba l-insularità tagħhom.