Qorti

Meta qatel u ħaqar l-annimali fil-Mosta, Nicholas Grech kien qed ibati minn nuqqas ta’ ġudizzju u awto-kritika – l-esperti psikjatriċi

Il-konklużjoni tar-rapport li sar mit-tliet esperti psikjatriċi fil-każ ta’ Nicholas Grech, ta’ 37 sena mill-Mosta, mixli b’moħqrija ta’ annimali fil-Mosta, jgħid li fiż-żmien li twettqu r-reati, l-akkużat kien qed ibati minn nuqqas ta’ ġudizzju u awto-kritika.

Fil-konklużjoni taż-żewġ rapport li saru u li kienu ferm simili, il-Psikjatri Ethel Felice, Peter Muscat u David Cassar qalu li Grech kien qed ibati minn skizzofrenija u li meta wettaq ir-reat ma kellux intenzjoni kriminali.

It-tliet esperti xehdu wkoll li fiż-żmien meta twettqu r-reati jidher li l-akkużat kien waqaf milli jieħu l-kura li kien għaddej minnha qabel. Fid-dawl tar-rapporti tal-esperti, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta qalet li se tagħti s-sentenza l-Ħamis li ġej.

Min-naħa tagħhom, kemm il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Edmond Curmi u Joseph Busuttil, kif ukoll id-Difiża mmexxija mill-Avukat Martin Fenech, qablu li kienu se joqgħodu mar-rapporti li saru mill-esperti, filwaqt li sostnew li jaqblu ma’ dak li qalu l-esperti u li għandu jkun bord li finalment jiddeċiedi mil-lat mediku xi jrid isir fil-futur fil-konfront tal-akkużat.

Nicholas Grech, Inġinier mal-Korporazzjoni Enemalta, kien tressaq il-Qorti f’Marzu li għadda bi krudeltà fuq l-annimali meta sallab għadd ta’ klieb u qtates f’diversi nħawi tal-Mosta, li offenda l-fidi Kattolika u li b’mod illegali daħal f’numru ta’ kappelli.

Hu wieġeb mhux ħati u kien talab biex isirlu eżami psikjatriku, filwaqt li kien inżamm taħt arrest preventiv fl-Isptar Monte Carmeli.