Mara ta’ 37 sena mill-Kalkara marret seba’ xhur ħabs wara li nstabet ħatja li traffikat id-droga fl-Isptar Monte Carmeli fejn kienet qed tinżamm disa’ snin ilu.
Il-mara, li isimha mhux jixxandar minħabba l-problemi psikoloġiċi tagħha, kienet tressqet mill-Ispettur Dennis Theuma li fis-6 ta’ Lulju 2005, u nstabet ħatja li ttraffikat l-eroina u li kellha fil-pussess tagħha l-imsemmija droga.
Mill-provi rriżulta li numru ta’ nfermieri sabu d-droga fl-investa ta’ pazjenta oħra li kienet torqod fl-istess kamra tal-mara u meta ż-żewġ nisa kienu mitkellma mill-Pulizija taw l-istess verżjoni.
Huma qalu li l-mara mill-Kalkara ntalbet mill-oħra biex iġġibilha ftit droga u meta din tal-aħħar kienet fil-Qorti ftehmet ma’ xi ħadd biex iġibilha d-droga.
Iż-żewġ pazjenti qalu li xi ħadd kien ħalla d-droga fuq il-ħoġor tat-tieqa u bil-lejl ippruvaw jaħarqu l-eroina imma l-‘lighter’ faqqgħet u l-pazjenta l-oħra ħbietha fl-investa tagħha.
Madankollu l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li quddiemha nstemgħet il-kumpilazzjoni, qalet li hija ma kinietx qed temmen il-verżjoni li d-droga nstabet fit-tieqa.
Hija semmiet li l-mara mill-Kalkara, irċeviet flus mingħand il-pazjenta l-oħra u kienet se tieħu parti mid-droga u għalhekk dan ifisser li d-droga ma kinietx għall-użu tagħha biss imma anke għat-tfajla l-oħra.
Kien għalhekk li waqt li sabitha ħatja ta’ traffikar ‘by sharing’, il-Maġistrat Galea Sciberras ikkunsidrat fil-piena li l-mara nvoluta kienet diġà nstabet darbtejn oħra ħatja ta’ pussess sempliċi u li għandha problemi ta’ natura psikoloġika u psikjatrika.
Fir-rapport tal-uffiċjal tal-‘probation’ irriżulta li minkejja hija ma kinietx għadha tieħu d-droga kienet qed tabbuża minn mediċina li suppost kellha sservi bħala sostitut għall-eroina.
Hija qieset ukoll li l-mara qalet li ma baqgħetx tmur għall-appuntament tal-‘probation officer’ għax għandha ħafna problemi bit-tifla ta’ 15-il sena.
Kien għalhekk li waqt li kkundannata seba’ xhur ħabs, il-Maġistrat Galea Sciberras irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex il-mara tinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli u tingħata l-kura neċessarja.
//= $special ?>