Somalu ta’ 28 sena residenti l-Gżira mar disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li ttraffika d-droga kannabis. Noor Ali Muse instab ħati li fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Ottubru 2013 ittraffika l-kannabis f’distanza ta’ 100 metru distanza minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
Fil-lejl imsemmi l-Pulizija kienet waslitilha informazzjoni li fil-Ġnien tal-Gżira setgħtet kienet qed tiġi ttraffikata d-droga. Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu ħames żgħażagħ Daniżi u żewġ Somali, fosthom Ali Muse, li kien bilqegħda fuq wieħed mill-bankijiet.
Għalkemm minn tfittxija li saret fuq is-seba’ barranin ma nstabet ebda droga, f’siġra li kien hemm wara l-bank instabet borża tal-plastik li fiha rriżulta li kien hemm tliet grammi kannabis. Iż-żgħażagħ Daniżi qalu li Ali Muse kien offrilhom il-kannabis imma Muse u sieħbu ċaħdu dan.
Wara li semgħet ix-xhieda tas-seba’ barranin, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkonkludiet li d-Daniżi kienu iktar kredibbli u wriet dubji dwar kemm verament Ali Muse ma kienx jifhem bl-Ingliż.
Hija sostniet li l-fatt biss li Ali Muse offra li jipprovdi l-kannabis, indipendentament minn dak li seta ġara jew ma ġarax wara, huwa traffikar tal-pjanta tal-kannabis. Kien għalhekk li sabitu ħati u kkundannatu disa’ xhur ħabs u multa ta’ €700. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Dennis Theuma.
//= $special ?>