It-temp sabiħ tal-bieraħ filgħaxija, lejliet il-Festa ta’ San Ġwann il-Battista, ppermetta biex għall-ewwel darba wara numru ta’ snin inxtegħlu dawk li huma magħrufin bħala l-Ħġejjeġ ta’ San Ġwann. Dan il-Qaddis hu l-Patrun tal-Ordni ta’ San Ġwann, li ħakmet lil Malta għal aktar minn 200 sena f’perjodu li, fost l-oħrajn, matulu nbniet il-Belt Valletta.
Skont l-Evanġelju ta’ San Luqa, San Ġwann twieled madwar sitt xhur qabel Ġesù Kristu. Għalhekk, il-Knisja tiċċelebra l-Festa ta’ San Ġwann il-Battista eżatt sitt xhur qabel il-Festa ta’ Milied, jiġifieri fl-24 ta’ Ġunju. Din hi waħda mill-ftit Festi fil-Knisja Kattolika, li tiċċelebra t-twelid tal-Qaddis u mhux mewtu.
Il-Ħuġġieġa, li kienet organizzata fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni Wirt Artna, tqabbdet mis-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli. Wara li tqabbdu l-Ħġejjeġ, ixxandar dokumentarju bl-Ingliż dwar is-sinjifikat u l-istorja ta’ din it-tradizzjoni, filwaqt li s-serata ġiet fi tmiemha b’salut.
(Ritratt: Lance Anthony Photography Malta)
//= $special ?>