Il-lista’ ta’ korsijiet li jiġu offruti mill-Kulleġġ Malti tal-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) dejjem qed titwal, hekk kif mis-sena skolastika li ġejja mistennijin li jibdew jingħataw sbatax-il kors ġdid fuq bażi ‘full time’. Dan ifisser li t-total ta’ korsijiet ‘full time’ issa se jiżdied għal 185.
Dan tħabbar mill-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Stephen Cachia hekk kif l-Erbgħa filgħodu ingħata bidu għall-MCAST Expo 2014.
Matul l-Expo, li qed issir fuq il-Kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid u li tibqa’ għaddejja sat-28 ta’ Ġunju, il-Kulleġġ jistieden lill-istudenti prosepttivi biex imorru u jaraw x’korsijiet toffri l-MCAST.
Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Stephen Cachia, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST li spjega li l-MCAST dejjem tfittex li tkompli tifrex l-ammont ta’ korsijiet li toffri bil-għan li tkompli tlaħħaq mal-esiġenzi tal-industrija, li magħhom l-MCAST taħdem mill-qrib.
Fost il-korsijiet ġodda li se jkunu qed jiġu offruti mis-sena skolastika 2014-2015 hemm korsijiet fil-qasam tal-agrikoltura, fl-oqsma tan-negozju u s-servizzi finanzjarji, fil-qasam tal-avjazzjoni, fil-qasam tas-servizzi postali u anke’ fl-oqsma tat-teknoloġija, l-arti viżwali u teknoloġija simili.
Matul il-ftuħ tal-MCAST Expo 2014 tkellem ukoll Silvio De Bono, il-Presiednt tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ. Hu spjega li kull sena l-MCAST tilqa’ fiha studenti b’abilitajiet differenti, iżda li bl-ebda mod m’huma inferjuri għal studenti oħrajn.
L-MCAST toffri korsijiet fuq il-livelli kollha minn 1 sa’ 6 skont il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifikazzjoni (NQF) biex studenti b’ċertifikati differenti jkunu jistgħu ikomplu jsegwu xi kors jew ieħor li joffri l-Kulleġġ.
Waqt il-ftuħ tal-Exp kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017 u l-Fondi Ewropej Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isports Chris Agius – li t-tnejn saħqu fuq il-bżonn li tkompli ssir ħidma mal-industrija, bil-għan li pajjiżna jkollu studenti bil-ħiliet neċessarji skont l-esiġenzi tal-industrija.
Għall-inawgurazzjoni tal-MCAST Expo 2014 attenda wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar.
L-Expo se tkun qed issir ukoll bejn it-3 u t-8 ta’ Lulju fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn fil-Mosta.
Kull minn iżur l-Expo jkun jista’ jakkwista wkoll kopja tal-prospectus, li jinkludi fih l-informazzjoni kollha fuq il-korsijiet kollh li joffri l-Kulleġġ, kif ukoll jara esebiti numru ta’ proġetti minn studenti tal-MCAST stess. Intant, il-prosepctus se jkun qed jitqassam ukoll fil-Kunsilli Lokali u jista’ jitniżżel ‘online’ minn fuq il-websajt tal-MCAST.
L-applikazzjonijiet għal min irid jibda xi kors se jibdew jintlaqgħu fl-10 istituti tal-Kulleġġ u ċ-Ċentru f’Għawdex bejn it-Tnejn 21 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 1 t’Awissu mit-tmienja u nofs ta’ filgħodu sa’ nofsinhar.
//= $special ?>