Editorjal

Editorjal: Sinjal ħażin dwar il-ġustizzja mal-ġudikanti

L-Istat Malti bħal kull stat modern, hu maqsum f’istituzzjonijiet indipendenti minn xulxin li waħda minnhom hi l-ġudikatura – l-Imħallfin u l-Maġistrati li fi qrati indipendenti minn istituzzjonijiet oħrajn u mill-Gvern jaqtgħu bil-ġustizzja.

Il-ġudikanti huma għassiesa indipendenti tal-ġustizzja
Dan hu importanti għax ma jistax ikollok sitwazzjoni fejn inti tagħmel kawża lill-Gvern u l-Gvern ikollu influwenza fuq min jaqta’ l-kawża. Għalhekk ġudikant ma jistax jitneħħa ħlief fuq imġiba ħażina u b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Imma min se jgħasses fuq l-għassiesa?
L-Imħallfin u l-Maġistrati huma għassiesa li jaraw li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir. Imma, bħalma staqsa l-poeta Ruman Juvenalis dwar ħaġ’oħra, min se jgħasses fuq l-għassiesa? Biex il-ġudikanti jgawdu l-fiduċja li ħaqqhom, ma jistgħux jagħmlu li jridu u meta jonqsu s-soċjetà jrid ikollha mod kif tagħti sinjal ċar u qawwi li naqsu.

Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja
F’Malta għandna l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li tgħasses fuq l-għassiesa; istituzzjoni importanti li m’għandu jfixkilha xejn fil-missjoni tagħha li tara li min jaqta’ l-ġustizzja jrid ikun mingħajr l-iċken dell fuqu.

Seta’ ngħata sinjal qawwi fil-każ Farrugia Sacco
Malta fl-aħħar xhur setgħet tat sinjal qawwi lill-ġudikanti li jridu jkunu attenti aktar minn kulħadd li ma jikkompromettux irwieħhom f’sitwazzjonijiet li m’għandhomx jidħlu fihom. Dan is-sinjal seta’ ngħata fil-każ tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco.

L-istituzzjonijiet kollha mdaħħlin fetħu t-triq biex jingħata sinjal ċar li ma jista’ jkun hemm l-ebda dell fuq Imħallef

proċess biex l-Istat Malti jagħti sinjal ċar li fil-ġudikatura jrid ikun hemm integrità assoluta, kollha taw – dawn l-istituzzjonijiet, ħlief għal waħda – is-sehem tagħhom biex das-sinjal jingħata.

Il-Gvern ta’ qabel, il-Parlament ta’ qabel, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għal darba darbtejn, u issa anke l-Qorti Kostituzzjonali; kollha fetħu t-triq biex l-Imħallef Farrugia Sacco jitneħħa bil-mod kif trid il-Kostituzzjoni ta’ Malta għax wettaq nuqqasijiet ċari li rriżultaw bil-mod kif trid l-ogħla liġi tagħna.

…ħlief għal istituzzjoni waħda, il-Gvern Laburista
Istituzzjoni waħda biss imblukkat dan is-sinjal importanti: il-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Joseph Muscat li bil-paroli qal li kien se jmexxi kontra l-Imħallef imma bil-fatti għażel proċeduri li jtawlu l-każ ħalli missier il-kandidat Laburista David Farrugia Sacco jilħaq jirtira u ma jkunx neħħieh l-Istat imma biss iż-żmien.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ta’ sinjal ta’ approvazzjoni għal dak li hu ħażin
Is-soċjetà tagħna kellha bżonn tagħti dan is-sinjal ċar u qawwi kontra dak li hu ħażin fil-ġudikatura, imma l-Gvern Laburista flok ngħaqad f’dan is-sinjal, imblukkah, u ta hu sinjal ħażin ta’ protezzjoni u approvazzjoni għal dak li hu ħażin.