Erbgħa minn ħames postijiet indikati bħala ġodda mill-Gvern li fihom jistgħu jgħumu l-klieb mhuma ġodda xejn iżda diġa’ kienu jiffurmaw parti mil-lista li kienet fis-seħħ is-sena li għaddiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet fir-Rinella, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes semma r-Rinella, it-Torri l-Abjad, l-Imgiebah f’Selmun, Zonqor Point u Imġarr ix-Xini f’Għawdex bħala ħames dog-friendly bays ġodda.
Jirriżulta, iżda, li minn dawn il-postijiet Imġarr ix-Xini biss hu post ġdid fejn jistgħu jgħumu l-klieb waqt li ħdejn ix-Chalet f’Tas-Sliema tneħħa minn din il-lista.
Roderick Galdes qal li l-postijiet fejn jgħumu l-klieb jiġu magħżula wara li jkun hemm diversi talbiet mill-pubbliku. Mistoqsi kif inhu possibbli li n-nies jieħdu l-klieb fl-Imgiebaħ meta din hi bajja diffiċli ferm biex tinżel fiha, Galdes wieġeb li qed ikun hemm talbiet minn sidien tal-klieb biex iniżżluhom jgħumu f’din il-bajja.
L-obbligi tal-għawwiema li jieħdu l-klieb jgħumu hu li tinżamm l-indafa u li l-klieb jinżammu taħt kontroll.
Jirriżulta li l-Bajja tal-Imġiebaħ hi bajja protetta għall-valur ambjentali tagħha u fiha mhux possibbli jsiru BBQs jew ikkampjar. Roderick Galdes tkellem ukoll dwar il-protezzjoni tal-annimali iżda meta mistoqsi dwar kif qed jingħataw numru kbir ta’ permessi għal tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq hu wieġeb li din hi kwistjoni ta’ Transport Malta għaliex ziemel hu kkunsidrat bħala vettura.
//= $special ?>