Lokali

Fondazzjoni ġdida tal-President tinkludi Kunsill ta’ eks President u eks Prim Ministri ta’ Malta

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ħabbret li se jkun qed jitwaqqaf Kunsill tal-Gvernaturi magħmul minn eks Presidenti tar-Repubblika u eks Prim Ministri, bil-għan li jikkontribwixxu fuq dak li jaħsbu li jista’ jkun ta’ ġid għas-soċjeta billi jipparteċipaw fi djalogu strutturat.

Marie Louise Coleiro Preca ħabbret dan l-Erbgħa filgħodu, meta fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta ħabbret it-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’, Fondazzjoni li għandha l-għan li toħloq spazju fejn in-nies jiġu flimkien u permezz ta’ djalogu jiddiskutu x’hinu ta’ ġid għas-soċjeta’.

Il-President spjegat li l-Fondazzjoni se tkun qed tiġbor fiha r-riċerka u l-konsultazzjon, fejn ir-riċerka tuża metodoloġiji innovattivi u l-konsultazzjoni tkun formali u anke’ informali.

Qalet li l-Fondazzjoni se tkun qed tħaddan fiha erba’ entitajiet li se jkun qed jiffukaw fuq temi specifiċi. L-entitajiet li se jkunu nvoluti huma l-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija, ċ-Ċentru għar-Riċerka fuq il-Familja, l-Osservatorju għall-Għixien Xieraq u ċ-Ċentru għall-Ħelsien mill-Vizzji.

Marie Louise Coleiro Preca spjegat li fi ħdan il-Fondazzjoni se jinħoloq forum li jikkonċentra fuq oqsma differenti ta’ diskussjoni, bħall-ambjent, l-anzjani, l-familja, l-persuni b’diżabilita’, l-arti u l-kultura u d-djalogu inter-kulturali.

Il-President qalet li dan huwa l-mod kif titħaddem u tissaħħaħ id-demokrazija fejn kull ċittadin jista’ jkun attiv fid-diskussjoni ta’ temi komuni li jġibu n-nies flimkien. Qalet li din il-Presidenza se tkun waħda attiva billi tkun miftuħa għad-djalogu ħalli dak li nkunu qed nagħmlu jkun relevanti u ta’ ġid għas-soċjeta’.