Lokali Saħħa

Il-gvern b’politika biex titnaqqas l-obeżita

L-Obeżita’ hija problema kbira f’pajjizna, u għaldaqstant jeħtieġ li tittieħed kull miżura bil-għan li tinbidel il-mentalita’ ħalli titnaqqas ir-rata tal-obeżita’.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal dan meta nieda dokument ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal għal Politika Nazzjonali dwar il-‘Breastfeeding’ – miżura li skont is-Segretarju Parlamentari għandha tikkontribwixxi biex tonqos l-obeżita’ fost it-tfal sa mit-twelid tagħhom u meta jkunu qed jikbru fl-ewwel snin ta’ ħajjithom.

Din il-politika, li skont Chris Fearne se tkun parti minn ħidma holisitika tal-Gvern b’rabta mal-obeżita’, tħabbret bejn wieħed u ieħor xahar wara li l-Oppozizzjoni Nazzjonalista resqet fil-Parlament abbozz ta’ liġi dwar stili ta’ hajja sana – bil-ghan li titnaqqas l-obezita’.

Fl-indirizz tieghu s-Segretarju Parlamentari spjega li l-breastfeeding fih vantaġġi kemm għat-tfal kif ukoll għall-ommijiet – vantaġġ minnhom hu li jsaħħaħ is-saħħa tat-tfal b’mod li tonqos il-possibilta’ li matul ħajjithom jilhqu l-livell tal-obeżita’.

Dwar dan id-dokument ta’ konsultazzjoni, ħadna r-reazzjoni tal-Kelliem tal-Oppozizzjoni għaż-żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar li kien hu li ressaq l-abbozz ta’ liġi tal-Oppozizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mill-kliem, il-Gvern għandu jgħaddi għall-fatti, u jappoġġja lill-Oppozizzjoni fil-Parlament biex jiġi approvat l-abbozz ta’ liġi dwar stili ta’ ħajja sana biex tonqos l-obezita’.

Aktar kmieni matul il-ġimgħa dan l-abbozz għadda mill-ewwel qari fil-Parlament.

Il-verżjoni finali tal-Politika Nazzjonali dwar il-Breastfeeding mistennija tkun ippubblikata sal-aħħar ta’ din is-sena wara li l-proċess ta’ konsultazzjoni jintemm fl-aħħar t’Awwissu.