Lokali Parlament

Il-Gvern daħħal mentalita’ biex ċerti membri tal-Ġudikatura jitqiesu bħala allat

Filwaqt li hu tajjeb li tinġibed l-attenzjoni biex il-membri tal-Ġudikatura jaġixxu bl-aħjar mod, il-mentalita’ li ċerti membri tal-ġudikatura jitqiesu bħala allat ġabha l-Gvern preżenti bil-mod kif aġixxa f’każi ta’ impeachment kontra imħallfin.

Waqt li kien qed jitkellem dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda ċerti liġijiet kriminali, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li meta kien hemm żewġ mozzjonijiet ta’ impeachment kontra żewġ membri tal-ġudikatura, il-Partit Laburista vvota kontra jew għamel minn kollox biex ma jersqux quddiem il-Parlament.

Il-Gvern ta’ qabel, il-Parlament ta’ qabel, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għal darbtejn u anke l-Qorti Kostituzzjonali kollha fetħu t-triq biex l-Imħallef Farrugia Sacco jitneħħa mill-kariga bil-mod kif trid il-Kostituzzjoni għax wettaq nuqqasijiet ċari.

Jason Azzopardi qal li l-Gvern jgħaddi l-liġijiet kriminali imbagħad jilgħab noli biex il-ġudikant jilħaq jirtira, jagħti amnestija lill 400 persuna li xaħħmu u xxaħmu fl-iskandlu tal-ismart meters, ma jressaqx fuq korruzzjoni ‘l fuq minn 600 persuna li xaħħmu. Il-Gvern jgħaddi l-liġijiet imbagħad il-Kummissarju tal-Pulizija jwaqqaf proċeduri kriminali kontra min ħebb għall-Pulizija.

Jason Azzopardi staqsa x’jiswa li l-Gvern jgħaddi l-liġijiet imbagħad iżarma u joqtol lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni biex ma tkuns tista’ tirrapporta l-korruzzjoni.Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma jistax ma jsemmix punti pożittivi li fiha l-liġi. Dawn jinkludu servizz lill-komunita’ bħala parti mill-piena, żieda ta’ delitti dwar razziżmu. Hu qal li ma jaqbilx li membri tal-Forzi tal-Ordni jitħallew jiktbu kummenti razzisti fuq is-social media. Dan jistona mal-fatt li fil-liġi qed jiddaħħal bħala reat li membru tal-forzi tal-ordni jaġixxi b’mod razzista.

Hemm miżuri oħra li daħlu b’mod pożittiv bħalma huma stalking u cyber bullying u żieda fil-pinea f’każ ta’ vjolenza jew theddid.

Jason Azzopardi esprima qbil dwar l-introduzzjoni ta’ linji gwida wara s-sentenza dwar id-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali jekk każ imurx ġuri jew le.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li tajjeb li jsiru emendi biex il-proċess tal-ġustizzja jitħaffef u biex jiħraxu l-pieni, iżda dan ma għandux isir bis-sentimentaliżmu. Hu minnu li fejn ikun hemm dewmien, ma tkunx qed titwettaq ġustizzja. Il-liġi għandha tinbidel biex dawk li jwettqu reat għall-ewwel darba f’każ ta’ pussess sempliċi ta’ droga ma jitressqux il-Qorti iżda jirċievu twissija formali mill-Avukat Ġenerali.

Jason Azzopardi tkellem dwar il-każ ta’ raġel li nżamm il-ħabs intortament. Appella biex il-media ma joqgħodux jagħmlu sensazzjonaliżmu. Hu qal li qed isemmi dan il-każ bħala eżempju biex wieħed jara x’jista’ jsir fil-liġi biex fejn ikun hemm każi simili jkun hemm rimedji skont il-liġi.

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li fil-liġi hemm diversi għodod kif il-Qorti tista’ taġixxi meta tiġi biex tagħti l-pieni u tara li l-piena tkun waħda li tgħin fir-riforma tal-ħati meta jkun il-każ. Hu semma wkoll diversi emendi li ddaħħlu fl-amministrazzjoni preċedenti fosthom żieda fil-pieni f’każi ta’ frodi, l-inklużjoni tar-reati minħabba omofobija u emendi oħra.

Carm Mifsud Bonnici qal li ma jaqbilx mal-proposta fl-abbozz biex ikunu jistgħu jitkomplew proċeduri fil-Qorti anke fl-assenza tal-akkużat ladarba jkun notifikat u ma jidhirx għall-kawża. Din tkun proċedura li għalkemm tista’ tħaffef il-proċeduri kriminali, tista’ toħloq ħafna inġustizzji u tikkomplika l-affarijiet minflok tgħin.

Fid-diskors ta’ għeluq, il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-Oppożizzjoni għall-mod kostruttiv kif għamlet il-kritika u s-suġġerimenti li għamlet biex l-abbozz jiġi mtejjeb. Hu qal li fl-istadju ta’ Kumitat ikun jista’ jsir l-irfinar meħtieġ.