Lokali

Il-Ministeru ta’ Manwel Mallia jidher li ma jridx il-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija

Fil-ġranet li ġejjin, il-Korp tal-Pulizija se jiċċelebra l-200 anniversarju mit-twaqqif tiegħu iżda l-Ministeru ta’ Manwel Mallia jidher li ma jridx il-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija f’diversi attivitajiet uffiċjali, jew għallinqas qed jagħmel minn kollox biex ma jidhirx hu jirrappreżenta lill-Korp.

U dan qed jagħmlu b’indħil dirett, bħala l-Ministeru responsabbli mill-Korp, dwar min għandu jmur saħanistra anke għal stediniet biex ikunu promossi l-istess attivitajiet li se jsiru fil-programm imħejji apposta, hekk kif din l-anniversarju dis-sena hu wieħed speċjali f’għeluq il-mitejn sena mit-twaqqif tal-pulizija Maltija.

Fost l-istediniet li jidher li rċieva l-Korp hemm dik biex jieħu sehem fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali li matulu se ssir promozzjoni tal-programm imħejji f’dan l-anniversarju importanti.

Imma sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li l-Ministeru ta’ Manwel Mallia intervjena biex minflok il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, kif kien wara kollox xieraq li jiġri, minħabba li hu l-Kap tal-Korp għal dan il-programm fuq il-PBS jattendi ħaddieħor u jidher li se jmur minflok Zammit, l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri.

Ir-relazzjoni bejn il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit u l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali ilha sejra lura ghal dawn l-aħħar ġimgħat.

Skont is-sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon, kienet propju l-aħħar sensiela ta’ transfers fil-Korp tal-Pulizija f’Mejju li għadda li wasslet biex ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ nahat ikomplu jieħdu daqqa l’isfel.

L-istess sorsi qalu li dawn l-aħħar transfers ħargu direttament mill-Ministeru u allegatament il-Kummissarju tal-Pulizija oġġezzjona għall-mod kif qed jinqabeż.

Sadanittant, dejjem b’rabta mal-attivitajiet tal-200 sena tal-Korp tal-Pulizija, din is-sena se jkun organizzat il-kuncert Pop meets Classic, u kumbinazzjoni jew le, dan se jsir proprju f’jum għeluq snin il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.

F’dan il-kunċert, li se jsir fit-28 ta’ Ġunju fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt se jieħdu sehem fost l-oħrajn il-Banda tal-Pulizija, Ira Losco u l-Winter Moods, flimkien mal-vjolinista George il-Puse’.