Fl-aħħar jiem kien hemm każ delikat ħafna fil-Port Ħieles li nżamm kompletament mistur mill-awtoritajiet, fejn skont uffiċjali tad-Dwana “kontejner sparixxa bi żball mill-Port Ħieles”.
Informazzjoni dettaljata li għandu f’idejh maltarightnow.com turi kif madwar ħmistax ilu, id-Dwana kellha taħt l-osservazzjoni tagħha kontejner li kien dikjarat għall-konsum lokali u li kien fih sigaretti.
Dan il-kontejner kien taħt l-osservazzjoni tal-Port Ħieles. Iżda xi ħadd mhux magħruf jidher li ta struzzjonijiet biex dal-kontejner jitlaq minn Malta, u fil-Port Ħieles ġriet ix-xniegħa li dan “telaq bi żball”.
Meta l-uffiċjali tad-Dwana marru biex jiċċekjaw dan il-kontejner, ġew infurmati li dan tgħabba fuq vapur “bi żball”, u allura telaq minn Malta mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-Dwana.
Għalkemm dan jista’ jidher bħala każ trivjali, fil-verità huwa każ serju ħafna, tant li l-awtoritajiet żammew skiet totali fuq dak kollu li ġara.
Agħar minn hekk, hemm min qed jgħid li din il-konsinja ta’ sigaretti jista’ jkun li mhux veru telqet minn Malta, iżda jista’ jagħti l-każ li ħarġet mill-Port Ħieles bil-moħbi bla ma saru l-ispezzjonijiet tad-Dwana.
Minħabba li dawn l-ispezzjonijiet qatt ma saru, allura lanqas ċertezza fuq is-sigaretti ma jista’ jkun hemm. Dan ifisser li ħadd ma jista’ jkun ċert jekk dan il-kontejner verament kienx fih sigaretti jew le.
Fi Frar li għadda kienet feġġet l-istorja tal-kontejner li kien inħareġ mill-Port Ħieles bla permess, b’riżultat li burdnar, uffiċjal tal-Freeport u uffiċjal tad-Dwana kienu spiċċaw il-Qorti. F’dan il-każ, il-kontejner kien mimli sigaretti tal-kuntrabandu u li l-valur tad-dazju, il-VAT u s-SISA kien jaqbeż il-miljun ewro.
Barra minn hekk, ix-xahar li għadda, madwar 450,000 sigarett kienu nqabdu mill-Pulizija jiddaħħlu f’Malta b’mod illegali bil-kutrabandu. Dan wara li kien interċettat cabin cruiser li kien daħal fil-Port il-Kbir.
F’dan il-każ partikolari, il-Pulizija kienet arrestat xi rgiel li kienu abbord il-cabin cruiser, u diversi esperti ġew appuntati biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.
Sadatant, nhar is-Sibt li għadda fil-Freeport id-Dwana interċettat żewġ kontejners ta’ 40 pied kull wieħed li kienu ġejjin mill-Emirati. Dawn kien fihom sigaretti tal-kuntrabandu, u nqabdu bl-użu tal-iscanner.
Id-destinazzjoni ta’ dawn il-kontejners kellha tkun il-Greċja, u waqfu fil-Port Ħieles bħala post ta’ transitu. Fuq il-karti, kien dikjarat li suppost kellu jkun hemm “għamara” fiż-żewġ kontejners.
//= $special ?>