Ekonomija Lokali

L-Actavis tiftaħ ‘warehouse’ ġdida f’Bulebel

Il-kumpanija Actavis, kumpanija ewlenija tal-farmaċewtika f’pajjiżna, inawgurat Warehouse ġdida fl-impjant tagħha f’Bulebel b’investiment ta’ 13-il miljun ewro.

Fil-prezenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi żgħar Chris Cardona,  l-uffiċjali tal-kumpanija spjegaw kif dan l-investiment kien meħtieġ biex il-kumpanija tibqa’ fuq quddiem f’dan is-settur.

L-investiment  jikkonsisti  f’maħżen ta’ 4,800 metru kwadru b’kapaċità li jaħzen 7,500 pożizzjoni ta’ pellets.   Il-bini jinkludi karatteristici li huma maħsuba biex jimminimizzaw l-impatt fuq l-ambjent, fosthom l-użu ta’ enerġija termali solari u ilma sħun, sistemi tad-dawl ikkontrollati skont xi spazju jkun okkupat fil-maħzen u sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita.

Il-Viċi-President tal-Manifattura ta’ Actavis Malta Sergio Vella jsostni li Actavis qed tilqa’ għall-isfidi tal-ekonomija.

L-Actavis timpjega iktar minn 750 ħaddiem f‘Malta u  hi waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-pajjiż. Il-htieġa għal dan il-maħzen hi r-riżultat ta‘ żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-manifattura mis-sit  f‘Bulebel, fejn il-volum prattikament trippla matul l-aħħar seba’ snin.
Mistoqsi dwar it-tnaqqis riċenti ta’ impjegati minn Actavis, il-Viċi-President Sergio Vella rabat dan mal-amalgamzzjoni li għamlet il-kumpanija.

Actavis hi kumpanija globali integrata fil-farmaċewtika speċjalizzata li tiffoka fuq l-iżvilupp, il-manifattura u distibuzzjoni ta’ prodotti ġeneriċi, branded u dawk bijosimili.

Il-kumpanija għandha kwartieri ġenerali globali f’Dublin, fl-Irlanda u kwartieri ġenerali amministrattivi Amerikani fi New Jersey, fl-Istati Uniti. Għandha operat kummerċjali f’madwar 60 pajjiż u tmexxi żewġ siti ta’ manifattura f’Malta f’Bulebel u Ħal Far li jservu swieq fl-Ewropa, l-Amerika ta’ Fuq, l-Afrika, l-Istati tal-Golf u l-Asja, flimkien ma’ uffiċċju tal-marketing u s-sales.